Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

Konfużjoni fil-ġbir tal-ħġieġ

Il-President tal-Assocjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava, ifarfar ir-responsabbilta’ fuq il-Kunsilli Lokali

Hekk kif fl-ewwel Ġimgħa tax-xahar minn quddiem ir-residenzi tagħna jinġabru l-fliexken u materjal ieħor ta’ ħġieġ, tkompli l-konfużjoni fost il-familji.

Dan hekk kif ir-residenti għadhom ma jafux x’kontenituri għandhom jużaw biex fihom jinġabru l-prodotti tal-ħġieġ. Fil-jiem li għaddew, il-kumpanija WasteServ bdiet tqassam kontenituri li suppost għandhom jintużaw għal dan il-għan.

Madankollu, minħabba l-fatt li mhux kull residenza laħqet ingħatat dan il-kontenitur, il-familji ma jafux x’kontenituri għandhom jintużaw. NET News jinsab infurmat li kien hemm Kunsilli Lokali li ssuġġerew lir-residenti tagħhom biex jużaw boroż suwed tal-iskart, filwaqt li oħrajn issuġġerew kontenituri aktar sodi, bħal xi kaxxa tal-injam.

Madankollu, u f’nofs din il-konfużjoni, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava tefa’ r-responsabbiltà fuq il-Kunsilli Lokali. Fil-fatt, f’komunikazzjoni bil-miktub, hu qal lill-Kunsilli li se jżommhom responsabbli ta’ kwalunkwe spejjeż.

Il-pożizzjoni ta’ Fava urtat lil ħafna Kunsilli Lokali – kemm dawk immexxija minn maġġoranza Laburista kif ukoll lil dawk b’maġġoranza Nazzjonalista – li qed itennu li qed jagħmlu minn kollox biex jgħinu lir-residenti u għalhekk, mhux ġust li jitfa’ r-responsabbiltà fuqhom.