Lokali Qorti

Konrad Mizzi kien staqsa lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi jekk jemminx li kien involut f’xi ħaġa

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi Alfred Camilleri ma ħassx li kellu jappoġġja lill-eks Ministru Konrad Mizzi meta dan tal-aħħar staqsieh jekk jemminx li kien involut f’xi ħaġa.

Waqt l-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Camilleri qal li f’nofs il-protesti li kienu qed jinżammu barra l-bini tal-Parlament, Konrad Mizzi kien staqsieh biex iħares f’għajnejh u jgħid li mhux involut f’xi ħaġa.

Madankollu, meta mistoqsi mill-Avukat Jason Azzopardi – li qed jidher għall-Familja Caruana Galizia – Alfred Camilleri qallu li hu ma jħares lejn ħadd f’għajnejh. Dan kollu seħħ waqt li t-toroq tal-kapitali kienu jkunu miżgħuda ta’ kuljum b’eluf ta’ Maltin u Għawdxin jitolbu r-responsabbiltà politika għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-każi ta’ korruzzjoni li kien għaddej fil-pajjiż.

Konrad Mizzi kien irriżenja minn Ministru mal-arrest ta’ Yorgen Fenech b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista. U hekk kif xhieda fil-Qorti kienet wasslet għall-involviment ta’ Keith Schembri, l-eks Chief of Staff ta’ Kastilja rriżenja wkoll. Kien irriżulta li Mizzi u Schembri żiedu l-kumpanija 17 Black, miftuħa minn Yorgen Fenech f’Dubaj, bħala l-kumpanija li minnha għaddew it-tranżazzjonijiet finanzjarji.

Sadanittant, fil-bidu tas-seduta, il-Familja Caruana Galizia – permezz tal-Avukati tagħhom Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia – oġġezzjonat li t-terminu tal-Inkjesta jingħata estensjoni darba biss, skont kif issuġġerixxa l-Prim Ministru Robert Abela. Dan hekk kif il-Familja tal-ġurnalista qed jargumentaw li l-Bord m’għandux ikun marbut b’limiti ta’ żmien.