Coronavirus Edukazzjoni Lokali Saħħa

Mhux esklużi azzjonijiet industrijali dwar il-leave tal-kwarantina

Il-President tal-MUT jgħid li ż-żamma ta' metru u nofs bejn l-imwejjed se tkun diffiċli tinżamm kullimkien

Jekk edukatur membru tagħna ħa jkun qed jaħdem mid-dar minħabba li hu mġiegħel li jagħmel hekk għaliex qiegħed kwarantina, mela bl-ebda mod ma jista’ jinqata’ mil-leave tal-mard tiegħu. Il-pożizzjoni tagħna hija ċara u l-pożizzjoni tagħna għamilnieha ċara mal-Gvern.”

Saħaq dan il-President tal-Union tal-Għalliema, l-MUT, Marco Bonnici meta kien qed jagħti r-reazzjoni tiegħu ma’ NET News għall-kwistjoni tal-leave tal-kwarantina.

Mistoqsi jekk humiex lesti jieħdu xi passi oħra jekk ma jaslux mal-Gvern, Bonnici wieġeb bla dubju ta’ xejn.

Aħna t-trade union u finalment għandna l-mezzi tagħna biex inwasslu l-messaġġ tagħna. Iġifieri Aħna lesti għal kollox basta naraw li nissalvagwardjaw is-saħħa u s-sigurtà tal-edukaturi kollha membri tagħna u finalment anki tas-settur kollu.”

Mistoqsi dwar il-pożizzjoni tal-MUT dwar il-protokolli maħruġa mill-Gvern għar-ritorn tal-għalliema fl-iskejjel, Marco Bonnici saħaq li l-implimentazzjoni tagħhom hi waħda diffiċli u kkumplikata.

Mhuwiex faċli iġifieri, anki sempliċiment ż-żamma ta’ metru u nofs bejn mejda u oħra, dik hija miżura diffiċli li timplimentaha kullimkien bl-istess mod, anki minħabba l-varjazzjonijiet tal-klassijiet, tal-iskejjel u tan-numru ta’ studenti.”

Għalkemm qal li l-pubblikazzjoni tal-protokolli kienu essenzjali biex l-għalliema jaraw kif se jaħdmu, il-President tal-MUT kkonferma li l-union ma kinitx ikkonsultata dwarhom, iżda ngħatat informazzjoni biss.

Rajniehom il-protokolli jew għallanqas, tawna informazzjoni tagħhom qabel ma ħarġu. Huma protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa iġifieri ma tantx għandna jedd fuqhom.”

Il-union se tkun f’pożizzjoni li tagħti l-fehma tagħha dwar kif il-Gvern se jimplimenta l-protokolli fl-aħħar, qabel il-ftuħ tas-sena skolastika, anke fid-dawl tan-numru ta’ każijiet attivi, ir-rata ta’ trażmissjoni, kif ukoll il-mod ta’ kif il-Gvern se jimplimentahom.

Bonnici temm jirrimarka kif jiġu kkunsidrati ukoll bosta alternattivi għal kif dawk vulnerabbli jistgħu jaħdmu xorta waħda bl-għan li kulħadd ikun protett, kemm l-istudenti kif ukoll l-għalliema vulnerabbli.