Minkejja l-emendi li saru fil-liġijiet dwar il-ħatra tal-President, tal-Prim Imħallef, tal-Ombudsman u taċ-Chairman tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni, il-Prim Ministru għad għandu wisq poter fil-ħatra taċ-Chairperson u l-membri tal-Kummissjoni Elettorali, tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, għall-Awtorità tax-Xandir, taċ-Chairperson tal-Kummissjoni għall-Impjiegi u tal-Avukat Ġenerali.
Dan stqarru l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia f’laqgħa virtwali mal-Kummissjoni Venezja fejn tkellem dwar l-emendi li saru fil-liġijiet dwar il-ħatra f’diversi karigi u fejn il-Prim Ministru Robert Abela kellu jirtira l-proposta li jekk ma jintlaħaqx ftehim biż-żewġ terżi tal-Kamra għal dawn il-ħatriet, ikun hu waħdu li jieħu d-deċiżjoni.
Adrian Delia saħaq ukoll dwar l-importanza li waqt kampanji elettorali jkunuf ffriżati l-proċessi ta’ ħatriet ta’ karigi pubbliċi, impjiegi fis-settur pubbliku, konċessjonijiet ta’ art tal-Gvern u kuntratti ta’ proġetti kbar.
Hu kkritika n-nuqqas ta’ regolamentazzjoni marbuta mal-impjieg ta’ persons of trust, kif ukoll il-fatt li mijiet ta’ persuni ġew impjegati mas-settur pubbliku mingħajr sejħa għall-applikazzjonijiet.
L-eks Kummissarju Ewropew Tonio Borg f’intervent qasir ikkritika l-fatt li membri tal-ġudikatura mhux se jkunu qed jinħatru minn kumitat apposta li minflok se jkun biss qed jipproponi tliet kandidati.
Il-laqgħa virtwali saret il-Ġimgħa filgħodu fejn il-Kummisjoni Venezja iddiskutiet mal-Kap tal-Oppożizzjoni dawk li huma l-aħħar żviluppi dwar l-emendi approvati fil-Parlament Malti.
//= $special ?>