Coronavirus Internazzjonali

COVID-19: L-eks Prim Ministru Taljan Berlusconi fi stat akut ta’ pneumonia

Kien ittestja pożittiv għall-Covid-19 jumejn ilu

L-eks Prim Ministru tal-Italja, Silvio Berlusconi, jinsab rikoverat l-isptar meta qed ibati minn stat akut ta’ pneumonia wara li testja pożittiv għall-Covid-19.

Il-kundizzjoni tiegħu — magħrufa bħala double pneumonia — għadha fil-fażi bikrija u l-eks Prim Minsitru, fl-aħħar sigħat, kien qed ikun suġġett għat-testijiet fi sptar ta’ Milan wara li nstab infettat bil-coronavirus f’nofs il-ġimgħa.

Is-sieħba ta’ Berlusconi – id-deputat parlamentari Marta Fascina — u tnejn minn uliedu wkoll kienu testjaw pożittiv għall-coronavirus. Dan meta Berlusconi, fl-aħħar jiem, kien qed jgħix f’iżolament, flimkien ma’ Fascina, fil-villa tiegħu f’Arcore , viċin ta’ Milan.

Huma, qabel, kienu qattgħu btala fir-reġjun ta’ Sardinja fejn ir-rata tal-infezzjoni bil-coronavirus hi ogħla minn ta’ reġjuni Taljani oħra.

Kelliema għall-Partit Forza Italia ta’ Berlusconi qalu li l-kundizzjoni tal-eks Prim Ministru mhix lok ‘għal xi allarm partikulari’.

Licia Ronzulli, senatur tal-Forza Italia, tkellmet dwar il-kundizzjoni tal-eks Prim Ministru u qalet li ‘Berlusconi kellu jiddaħħal l-isptar bħala prekawzjoni u biex it-tobba jissorveljaw il-progress tal-infezzjoni bil-Covid-19’.

Silvio Berlusconi, fil-lejl tal-Ħamis, kien ittrasferit lejn sala speċjali fl-Isptar ta’ San Raffaele fejn instab bil-pulmuni fjammati — kumplikazzjoni komuni fil-pazjenti li huma morda bil-Covid-19. Il-coronavirus ġdid, ġeneralment, iħalli effetti aktar gravi fl-anzjani u fil-persuni vulnerabbli bil-kundizzjonijiet mediċi.

Sadanittant, Berlusconi, fl-aħħar kollegament telefoniku lill-partitarji, qal li ma jafx kif qabdu l-virus inkella x’jaħseb li kien il-kaġun.

Hu, intant, sostna li beħsiebu jkompli jaħdem mill-aħjar li jista’ fir-rigward tal-kampanja elettorali attwali – bl-Italja qed tħejji għall-elezzjonijiet reġjonali tal-21-22 ta’ Settembru.L-elezzjonijiet inkwistjoni kellhom ikunu posposti fir-rebbiegħa, fi żmien meta l-Italja kienet għaddejja mill-agħar tal-pandemija tal-coronavirus.