Internazzjonali

Slovakkja: Magħqudin f’sejħa waħda biex il-ġlieda għall-ġustizzja tkompli

Il-verdett tal-qorti li ddikjara lin-negozjant sinjurun Marian Kocner mhux ħati b’konnessjoni mal-qtil, fl-2018, tal-ġurnalist investigattiv Jan Kuciak u t-tfajla tiegħu, qed jintlaqa’ b’xokk u daqstant ieħor rieda qawwija li l-ġustizzja ma tkunx miċħuda. Dan meta qed ikomplu l-effetti ta’reat li kien heżżeż pajjiż sħiħ u wassal għall-bidliet kbar fi ħdanu.

Il-qtil ta’ Kuciak u Martina Kusnirova kienu qanqlu protesti tal-massa fis-Slovakkja, fost il-kroll tal-Gvern ta’ dak iż-żmien immexxi mill-eks Prim Ministru populista Robert Fico.

Iżda waqt li raġel weħel 25 sena ħabs għal sehmu fl-omiċidju tal-ġurnalista li kien qed jinvestiga l-korruzzjoni fl-ogħla istituzzjonijiet tal-pajjiż, l-imħallfin, din il-ġimgħa deċidew li l-prosekuturi naqsu li jipproduċu provi li Marian Kocner u imputat ieħor kienu ordnaw il-qtil ta’ Kuciak u t-tfajla tiegħu.

Kuciak kien prominenti fl-investigazzjonijiet dwar il-korruzzjoni u prattiċi mafjużi fl-ogħla livelli politiċi u fi ħdan il-pulizija tas-Slovakkja. Hu, fost oħrajn, kien qed jindaga dwar kif ċerti kriminali setgħu jingħataw għajnuna mingħand uffiċjali tal-gvern prominenti biex jisirqu lill-Istat.

Il-prosekuturi, issa, mistennija jappellaw kontra l-verdett u meta Kocner, f’nofs il-ġimgħa, kien ordnat biex iħallas multa ta’ 5,000 ewro ‘għall-pussess ta’ armi illegali’.

L-għadab fost is-Slovakki għall-verdett huwa kbir u numru ta’ politiċi, entitajiet tal-istampa u NGOs qed jingħaqdu f’impenn u sejħa waħda biex il-ġlieda għall-ġustizzja tkompli.

Dunja Mijatovic, il-Kummissarju għad-Drittijiet Umani mal-Kunsill tal-Ewropa, qalet li l-verdett dwar il-qtil doppju fis-Slovakkja juri li għad fadal xi jsir biex wieħed jaċċerta l-ġustizzja u biex pajjiżi bħal dawn jevitaw sitwazzjoni fejn ‘in-nies partikulari jinżammu ‘il fuq mil-liġi’.

Il-grupp Reporters Without Borders esprima xokk dwar il-verdett ta’ din il-ġimgħa, b’mod partikulari għaliex l-imputat indikat bħala ‘l-moħħ wara l-omiċidju doppju’ kellu jingħata l-maħfra…’Maħfra li tixhed il-falliment kbir tal-entitajiet responsabbli mill-investigazzjoni kriminali u daqstant ieħor tal-ġudikatura’.

Sadanittant, diversi osservaturi barranin qablu li l-verdett mill-qorti ta’ Pezinok għandu jeżamina l-livell ta’ fiduċja tas-soċjetà (tas-Slovakkja) fil-ġustizzja. L-osservaturi qalu li n-nies bir-raġun qed iħossuhom xukkjati u mqarrqin fost sinjali li l-ġustizzja falliet minkejja l-provi kredibbli li kienu ilhom jinġabru fil-konfront tal-imputati li ġew ipproċessati għall-omiċidju doppju tal-2018.

Id-digriet kien ukoll ikkundannat bħala deċiżjoni li kkonfermat il-protesti li qamu meta Milan Lucansky, l-eks President tal-Korp tal-Pulizija Slovakka, xolja l-iskwadra li kienet qed tinvestiga l-qtil ta’ Kuciak.

Is-sorsi fi Bratislava, fl-istess ħin, qalu li deċiżjonijiet bħal dawn ma jkattrux il-fiduċja fil-pulizija jew fl-Uffiċċju tal-Prosekutur. L-istess sorsi qed jistennew li l-Qorti Suprema tas-Slovakkja, ‘il quddiem, tipprovdi tweġiba definittiva li tgħin biex wieħed  jifhem aħjar is-sitwazzjoni.

Il-President tas-Slovakkja, Zuzana Caputova, ukoll talbet spjegazzjoni wara l-verdett u qalet li minkejja li hi tirrispetta d-deċiżjoni tal-qorti, tistenna li l-impenn għall-ġustizzja ma jieqafx hawn filwaqt li ‘ikompli quddiem il-Qorti Suprema’.

Il-Partit għall-Ħelsien u Solidarjetà li jifforma parti mill-koalizzjoni li qed tmexxi lis-Slovakkja, intant, enfasizza li l-proċess tal-qorti f’dan il-każ għadu mhux mitmum — u meta ħadd, għalissa, ma jaf l-oriġini tad-delitt li sewa l-ħajja ta’ Kuciak u Kusnirova. Dan il-partit żied li l-provi indiretti ‘kienu qed jippuntaw lejn Kocner u persuna oħra kompliċi tiegħu’ u għaldaqstant il-verdett li ntlaħaq f’Pezinok bilfors li jrid jintqies bħala wieħed sorprendenti għall-aħħar.