Internazzjonali

Stati Uniti: Seba’ pulizija sospiżi b’konnessjoni mal-mewta ta’ Daniel Prude

Seba’ uffiċjali tal-pulizija spiċċaw sospiżi b’konnessjoni mal-mewta ta’ raġel iswed f’Rochester, fl-Istat ta’ New York. Dan wara li l-vittma kien miet fgat meta l-pulizija libbsulu tip ta’ barnuża magħrufa bħala ‘spit hood’.

Qed jingħad li Daniel Prude – li kien ibati minn problemi mentali – miet bil-konsegwenza li kien sfurzat li jilbes il-barnuża li suppost tipproteġi lill-uffiċjali mill-bżieq ta’ persuna arrestata. Il-mewta ta’ Prude kienet seħħet f’Marzu li għadda iżda hu biss issa li l-każ qed ikun irrappurtat bi prominenza.

Meta ħabbret is-sospenzjoni tal-pulizija, is-Sindku ta’ Rochester, Lovely Warren, qalet li ‘il-mewt ta’ Prude kien dovut għal razziżmu sistematiku’.

L-inizjattiva għas-sospensjoni tal-pulizija kienet l-ewwel azzjoni dixxiplinarja wara l-mewta — bis-Sindku qed tħeġġeġ biex l-Avukat Ġenerali tikkonkludi l-investigazzjoni ta’ każ ‘fejn il-vittma ma kienx protett mid-dipartiment tal-pulizija, inkella mis-sistema tas-saħħa mentali u mill-Uffiċċju tas-Sindku’.

Warren kompliet li l-Kap tal-Pulizija ta’ Rochester, La’Ron Singletary kien naqas milli jinfurmaha dwar il-każ u kien biss fil-bidu ta’ Awwissu li d-dettalji bdew joħorġu. Id-dettalji, fil-fatt, kienu żvelati minn filmat ta’ body camera li kellu wieħed mill-pulizija involuti fil-każ u li ħareġ fil-pubbliku wara talba speċifika lill-awtoritajiet responsabbli mir-rekords pubbliċi.

Fl-istess ħin, is-Sindku Warren qalet li ‘dak li rat fil-filmat kien għal kollox differenti mill-mod kif Singletary ippreżentalha l-fatti inizjali – u fejn hu kien ibbaża l-każ ta’ Prude fuq ‘overdose bid-droga’.