Lokali

Jingħalqu żewġ ħwienet minħabba nuqqas ta’ iġene u liċenzji meħtieġa

Żewġ stabbilimenti ngħalqu mill-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta flimkien mal-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit u tat-Taqsima tal-Immigrazzjoni, assistiti minn uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika għalqu żewġ stabbilimenti li jinsabu f’Xatt il-Mollijiet, fil-Marsa minħabba li wieħed kellu nuqqas ta’ iġene ħdejn l-ikel u ieħor ma kellux il-liċenzji neċessarji biex jopera.

Waqt l-ispezzjoni li saret mill-Pulizija f’wieħed mill-ħwienet, irriżulta li sid il-ħanut ma kellux l-liċenzja neċessarja sabiex joperah bħala post li jbiegħ l-ikel. Persuna oħra li kienet qiegħda taħdem fl-imsemmi stabbiliment ma kelliex liċenzja valida biex taħdem u
għaldaqstant se jinħarġu l-akkużi fil-konfront tagħha.

Minn naħa tagħhom, l-uffiċjali tad-Dipartament tas-Saħħa Pubblika nnutaw diversi irregolaritajiet, inkluż nuqqas ta’ iġjene u temperatura ħażina fil-freezers fejn jinżamm likel. Il-freeżers ġew issiġġilati mill-uffiċjali tad-Dipartament tas-Saħħa Pubblika. Sid il-ħanut ġie ordnat mill-Pulizija biex immedjatament jagħlaq il-ħanut u ġie infurmat li se jinħargu akkużi fil-konfront tiegħu fil-Qorti.

Waqt l-ispezzjoni li saret mill-Pulizija fil-ħanut l-ieħor, instab li l-post kellu l-liċenzji kollha validi sabiex jopera, iżda l-uffiċjali tas-Saħħa Pubblika nnutaw nuqqas ta’ iġjene, bil-pulizija tordna l-għeluq tal-ħanut. Il-persuna li tieħu ħsieb il-ħanut ġie infurmat li se jinħarġu l-akkużi relatati fil-konfront tiegħu.

Fuq barra tal-ħanut il-Pulizija sabet raġel qed isajjar b’nuqqas kbir ta’ iġjene, bl-uffiċjali tas-Saħħa Pubblika jinfurmawh li ser jinħargu wkoll akkuzi kontrih. Waqt dawn l-ispezzjonijiet, il-Pulizija vverifikaw d-dokumenti li kellhom fuqhom numru ta’ persuni li kienu fuq barra tal-istabbilimenti.

Jidher li l-persuni li jieħdu ħsieb dawn l-istabbilimenti kkoperaw mal-Pulizija.