Lokali Qorti

Jisirqu frejgatina biex jipprovaw jaħarbu minn Malta lejn l-Italja

Huma ġew ikkundannati bejn sena u nofs u sena u tmien xhur ħabs.

Żewġ irġiel tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia u wieġbu mhux ħatja li serqu frejgatina ta’ 12-il pied minn Birżebbuġa biex ikunu jistgħu jaħarbu minn Malta.

Il-każ seħħ il-Ġimgħa filgħodu kmieni meta ġiet innotata d-dgħajsa nieqsa. Minn hemm sar rapport lill-Pulizija fejn minnufih bdew it-tfittxija għaliha. Kien għall-ħabta tal-11.30 ta’ filgħodu, propju ftit sigħat wara li seħħ dan is-serq li l-Forzi Armati ta’ Malta intraċċaw frejgatina 8 mili biss ‘il bogħod mill-Port Ħieles.

Iż-żewġ irġiel, li huma immigranti mis-Sudan iżda joqgħodu Ħal Far, Ishaq Adam ta’ 18-il sena u Adam Ibrahem Hassan ta’ 23 sena ammettew fl-istqarrija tal-Pulizija li kienu ħatja. L-Ispettur mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni, Lara Butters qalet li huma qalu li serquha biex jaħarbu lejn l-Italja iżda spiċċalhom il-fjuwil u ma kellhomx għażla oħra ħlief li jistennew li jiġu salvati minn nofs il-baħar.

Id-dgħajsa ġiet ritornata lis-sid wara li fil-ħin li l-Pulizija sabu liż-żewġ irġiel, huma kienu weħidhom fuq id-dgħajsa.

Il-Maġistrat ordna li Hassan jeħel sena u sitt xhur ħabs filwaqt li Adam ġie kkundannat sena u tmien xhur ħabs.