Lokali

Niġġieldu l-kriminalità u nerġgħu nsaħħu s-sigurtà fl-irħula tagħna – Adrian Delia

“Ejjew flimkien niġġieldu l-kriminalità, nerġgħu nsaħħu s-sigurtà fil-lokalitajiet u fl-irħula tagħna. Ejjew inwasslu messaġġ lill-Gvern li l-poplu jrid in-normalità.” Hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat fuq NET FM fejn tkellem dwar diversi temi li direttament jolqtu liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin

Dr Delia kien mistoqsi dwar il-ħtif tax-Xandir Nazzjonali mill-gvern. Huwa fakkar kif Robert Abela kien qal li mhux kuntent b’dak li kien żbilanċ li jtendi favur il-Partit Laburista u ried iktar ħalli żgur ma jkunx hemm min jikkritikah jew ilissen ħsibijiet differenti minn tiegħu. Adrian Delia qabbel din is-sistema ma’ dik tal-Partit Laburista tas-snin sebgħin, sistema soċjalista antika.

Adrian Delia saħaq li l-pożizzjoni tal-PN hija ċara fid-dawl tal-fatt li l-għażliet tal-persuni u tal-programmi fuq TVM qed tkun għal darb’oħra mmanipulata minn Kastilja. L-Oppożizzjoni qed tinsisti li meta qed insaħħu l-kostituzzjoni, is-saħħiet li għandu il-Prim Ministru, fl-għażla taċ-Chairman tal-Awtorità tax-Xandir għandha titneħħa biex verament jkollna xandir tal-pubbliku u mhux tal-Gvern.

Waqt l-intervista, Adrian Delia ddikjara li se jkompli jagħmel minn kollox biex l-isptarijiet tagħna li nsterqu minn Vitals u Steward Healthcare jingħataw lura lill-Maltin u l-Għawdxin. Hu saħaq li fil-ġranet li ġejjin xhieda importanti fil-qorti se tkompli turi l-qerq u s-serq ta’ Gvern li ma jistħix.

Il-Kap tal-PN fakkar kif għandna Prim Ministru li kien qal li din hi kwistjoni urgenti; qal li se jqabbad esperti biex jaraw il-kuntratti u joħroġ rimedju, iżda li s’issa ħalla lil dawn il-barranin jibqgħu jisirqu miljuni minn flus il-poplu, li spiċċa biex affetwa l-pensjonanti, iż-żgħażagħ u l-familji Maltin.

Waqt l-intervista, Adrian Delia tkellem dwar id-deal korrott tal-Electrogas, il-ghettos f’pajjiżna kif ukoll il-problemi li pajjiżna għandu fil-kostruzzjoni li diġa ħadet il-ħajja ta’ persuni u ħalliet oħrajn mingħajr saqaf fuq rashom.

Il-Kap tal-PN qal li filwaqt li Robert Abela qed ikompli jġib skuża wara oħra biex ma jindirizzax il-problemi li qed naffaċċjaw bħala pajjiż, is-surplus spiċċa u ninsabu f’pożizzjoni fejn l-ekonomija tagħna qed tikkrolla.