Internazzjonali

Tisfaxxa fix-xejn it-tama ta’ ħajja taħt it-tifrik f’Beirut

Wara xahar mill-isplużjoni li seħħet b’Beirut, kelb tal-Protezzjoni Ċivili ta t-tama li għad hemm persuni ħajja taħt it-tifrik iżda kollox qed jisfaxxa fix-xejn hekk kif għadhom ma sabu lil ħadd wara ġranet ta’ tfittxija.

Seba’ persuni għadhom mitlufa, bl-awtoritajiet jaħsbu li għadhom maqbuda taħt it-tifrik.

Tagħmir li ntuża fl-istess żona li mmarka l-kelb saħansitra wera sinjal li hemm qalb tħabbat bil-mod ħafna. It-tim ta’ salvataġġ niżel madwar tliet metri taħt it-tifrik biex jasal fejn kienu qed jindikaw kemm il-kelb u anke t-tagħmir.

Jidher li sa 24 siegħa wara, it-tagħmir beda juri tnaqqis drastiku fil-polz tal-persuna filwaqt li ftit sigħat wara ma baqgħa jimmarka xejn. Għadd ta’ persuni qed jinġabru fejn qed issir it-tfittxija b’tama li tinstab persuna ħajja jew li jinstabu l-persuni nieqsa.

Fl-4 ta’ Settembru n-nies f’Beirut għamlu minuta ta’ silenzju għal iktar minn 200 persuna li mietet eżatt xahar ilu. Eluf oħra sfwa feruti f’inċident li ħasad lid-dinja.