Lokali

Abela irid jiddeċiedi issa dwar Joseph Muscat- Times of Malta

Il-Prim Ministru Robert Abela għandu għalfejn ikun inkwetat bl-aħħar aġġornamenti dwar l-eks Mexxej Laburista Joseph Muscat, wara li l-istess Muscat issejjaħ fid-Depot tal-Pulizija għal interrogazzjoni – imwissi li dak kollu li jgħid jista’ jintuża’ kontrih fil-Qorti.

Dan ingħad fl-Editorjal tas-Sunday Times of Malta, fejn ġie spjegat li l-aħħar żviluppi jimmeritaw l-attenzjoni kollha meħtieġa. Ingħad li Abela kien partikolarment attent x’jikkumenta dwar il-predeċessur tiegħu, bit-trasparenza titlob li għandu jagħmel pubbliku dak li Muscat ġie mistoqsi mill-Pulizija.

Dan hekk kif intqal li kieku qed ngħixu f’pajjiż normali, ċirkostanzi bħal dawn iqajmu furur. Madanakollu, bl-aġir ta’ Abela li jostor il-verità jew jiddeċiedi li jgħid nofsha aktar iqanqal dubji u suspetti. 

Dan kollu wara li kemm waqt l-inkjesta pubblika, kif ukoll waqt l-inkjesta fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, ġiet ippreżentata evidenza li tindika li Muscat kellu ħjiel ċar dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Minkejja dan kollu, Robert Abela għadu ma tħarrikx dwar jekk hux se jieħu deċiżjoni politika fil-konfront tal-predeċessur tiegħu.

Bid-differenza tal-Qrati, Prim Ministru m’għandux għalfejn jistenna l-eżitu tas-sentenza finali biex sħabu l-Membri Parlamentari – ikunu min ikunu – jerfgħu r-responsabbiltà politika.

Għall-Editur, ix-xhieda li nstemgħet s’issa fil-Qorti kellha tkun biżżejjed biex jinfetħu għajnejn il-Pulizija Maltija, li ċerti Uffiċjali tal-Gvern ma jaħsbuhiex darbtejn qabel ma jużaw l-influwenza politika li għandhom għall-vantaġġ personali tagħhom.

Għaldaqstant, Muscat għandu jieqaf jinsulta l-intelliġenza tal-poplu meta jisħaq li l-interrogazzjoni li saritlu ma hi xejn kbir. Li kieku, l-eks Prim Ministru ma kienx jissejjaħ fil-Kwartieri Ġenerali u jkun interrogat għal siegħa u nofs għalxejn.

Għaldaqstant, jekk disa’ xhur ilu l-ballun kien f’saqajn Muscat biex jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa, issa dan jinsab f’saqajn Abela … bil-poplu jistenna li jittieħdu b’mod deċiż u mill-aktar fis.

Joseph Muscat dieħel Kastilja