Internazzjonali

Renju Unit: Attakki għall-għarrieda f’Birmingham jirriżultaw f’raġel mejjet u diversi feruti

"Qatt ma rajt xena hekk quddiem għajnejja" - xhieda fil-post

Il-pulizija ta’ Birmingham qegħdin ifittxu raġel armat b’sikkina li kien ħebb – mingħajr l-ebda motivazzjoni ċara – lejn il-persuni li nzerta quddiemu f’dik il-belt, bir-riżultat li raġel spiċċa maqtul u b’seba’ oħra jisfaw midruba.

L-attakki – fis-sigħat bikrija tal-Ħadd u f’ħin meta kienu qed jagħlqu l-istabbilimenti tax-xorb — damu għal xi sagħtejn bl-aggressur ‘ma jiddiskriminax bejn vittma u oħra’.

Intant, il-pulizija tal-West Midlands qalu li l-vjolenza ma dehritx li kienet relatata mat-terroriżmu. Lanqas ma jidher li l-attakki setgħu kienu dovuti għall-aġir ta’ xi grupp kriminali lokali. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet sostnew li ma kellhom l-ebda provi li l-attakki ‘kienu xprunati minn sens speċifiku ta’ mibgħeda’.

L-aħħar rapporti qalu li l-pulizija kienet qed tfittex ‘raġel waħdu’, bl-awtoritjiet ma jipprovdux aktar dettalji.

Ingħad li mara li spiċċat fost il-feruti ġarrbet ġrieħi ‘kritiċi’ — b’ħames feruti oħra mhumiex f’periklu li jitilfu ħajjithom.

L-indikazzjonijiet huma li l-aggressur spiċċa jdur minn triq għall-oħra fejn attakka lin-nies f’inħawi differenti u viċin il-Kwartier Ċiniż ta’ Birmingham. It-toroq fejn seħħew l-attakki kienu jinkludu Livery Street, Irving Street u Hurst Street – fejn fl-aħħar sigħat kien hemm preżenza sinifikanti ta’ pulizija u esperti forensiċi.

Il-Kap Supretendent, Steve Graham, qal li filwaqt li l-attakki jidhru li seħħew f’ħabta u sabta, ir-riżultati huma ‘xokkanti u traġiċi’ — biċ-ċittadini ‘bir-raġun qed jinkwetaw dwar l-iżviluppi’. Dan meta l-pulizija ma sabux konnessjoni bejn il-vittmi u meta pruvaw jaċċertaw lil kulħadd ‘li kienu qed jagħmlu minn kollox biex isibu lill-persuna responsabbli u jsiru jafu l-iskop li seta’ kellu’.

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, irringrazzja lis-servizzi għall-emerġenzi li kienu qed jaħdmu bla waqfien fix-xeni tar-reati filwaqt li wassal messaġġ ta’ solidarjetà lill-familji affettwati mill-inċident terribbli f’Birmingham.

Sar magħruf ukoll li qabel l-attakki, iz-zona tad-divertiment f’Birmingham – li spiċċat mimlija bil-pulizija waqt l-agħar tal-emerġenza — kienet aktar attiva milli fi kwalunkwe żmien ieħor qabel l-impożizzjoni tar-restrizzjonijiet ( u stat ta’ lockdown li issa tneħħa) fil-belt minħabba l-coronavirus.