Għawdex Lokali

Allegazzjonijiet serji dwar il-WasteServ f’Għawdex

Ħaddiema tal-fergħa ta’ WasteServ li tinsab f’Tal-Kus, f’Għawdex, irrappurtaw diversi abbużi mill-aktar serji, li saħansitra wħud minnhom jistgħu jpoġġu periklu fuq is-saħħa pubblika.

Dan kien żvelat fil-ħarġa tal-Ħadd tal-gazzetta Il-Mument, li rrappurtat ukoll kif persuni fit-tmexxija tal-WasteServ f’Tal-Kus saħansitra waslu biex iffalsifikaw b’mod intenzjonat manifatturi ħalli l-ħaddiema tal-Gozo Channel ma jindunawx bil-periklu ta’ dan l-iskart, jitgħabba fuq il-vapuri u jinġieb Malta biex jinħaraq fl-Inċeneratur tal-Marsa.

Il-Mument irrappurtat ukoll każijiet ta’ bullying fuq ċerti ħaddiema, kif ukoll li fost l-iskart perikoluż li qed jitgħabba fuq il-vapuri tal-Gozo Channel hemm skart iġġenerat fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u anke skart mediku ieħor.

Fl-aħħar ġimgħat u xhur minn meta faqqgħet il-pandemija tal-Coronavirus, żdiedu wkoll l-iskips bl-oġġetti relatati mal-iswab tests. Dawn ġeneralment kienu jkunu barra l-Ħeliport fix-Xewkija, propju fejn il-Gvern waqqaf iċ-Ċentru għall-Ittestjar kontra l-Covid-19 f’Għawdex.

Il-gazzetta kompliet li ftit tal-jiem ilu, wara li l-vettura tal-WasteServ tgħabbiet fuq wieħed mill-vapuri, il-Kaptan ordna li din terġa’ titniżżel l-art minħabba l-irwejjaħ insapportabbli li kellha.

Kien hawn li, minn verifiki li saru tad-dokumenti tal-manifattura, instab li dak iddikjarat bil-miktub ma kienx jaqbel ma’ dak li dawn l-iskips verament kien fihom. Allegati abbużi oħrajn irriżultaw ukoll fl-Inċineratur tal-Marsa, b’dokumenti jindikaw mod, iżda fil-verità, il-materjal ikun mod ieħor.

Il-Mument qalet li dawn l-allegati abbużi kienu regolari għal dawn l-aħħar ġimgħat u xhur, b’min jagħti l-ordnijiet allegatament jhedded lill-ħaddiema konċernati bi tkeċċija mill-impjieg.

Sadanittant, fi stqarrija bi tweġiba, il-kumpanija WasteServ qalet li l-istorja ppubblikata minn Il-Mument tinkludi “allegazzjonijiet foloz u infondati”, bil-gazzetta tinsisti fuq il-fatti ppubblikati, filwaqt li twiegħed li aktar dettalji se jkunu żvelati fil-jiem li ġejjin.