Lokali Saħħa

Fis-Saħħa, il-Gvern ma jżommx mal-wegħdiet li għamel

Fl-aħħar jiem diversi persuni għamlu kuntatt ma’ NET News għax kellhom appuntamenti l-Isptar li kienu mħassra … b’dawk li kellmuna qalu li l-appuntamenti tħassru minħabba direttivi li għandhom l-Infermieri.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, NET News żvela li l-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel, l-MUMN, kienet għaddiet lill-membri tagħha għadd ta’ direttivi li jolqtu lill-Isptarijiet kollha u lill-qasam tal-kura primarja, li jinkludu l-polikliniċi. Dan wara li l-Gvern mar lura mill-wegħdiet li għamel lill-istess union ftit tal-ġimgħat ilu.

Fl-14 ta’ Awwissu, l-MUMN kienet ħabbret li laħqet ftehim mal-Gvern biex l-Infermieri li jaħdmu shifts itwal minn tmien sigħat jingħataw 12-il siegħa leave extra ħalli jagħmlu tajjeb għal xi diskrepanzi fl-aġġustament tal-leave tagħhom.

Il-Gvern kien wiegħed lill-Union ukoll li dawk l-Infermieri li kellhom joħorġu b’leave ta’ kwarantina mill-1 ta’ Lulju ‘l hawn ma kienux se jitilfu l-allowances tal-Ħdud tagħhom. Iżda issa jidher li l-Gvern mar lura minn kliemu u l-membri tal-Union la se jingħataw it-12-il siegħa leave u lanqas il-ħlas b’lura li kienu mwegħda.

Barra minhekk, l-MUMN qed tisħaq li minħabba n-nuqqas qawwi ta’ Infermieri, l-Isptarijiet saru riskjużi għall-pazjenti u għall-ħaddiema, meta fl-istess waqt hemm Infermieri jistennew biex jiġu impjegati … u għalhekk qed tisħaq li din l-atitudni turi kemm l-Infermieri qed ikunu trattati ta’ ċittadini tat-tieni klassi.

Id-direttivi, li għadhom fis-seħħ, jinkludu li ma jsirx ħasil ta’ pazjenti, li pazjenti ma jkunux akkumpanjati minn Infermieri għal x-rays, teatri tal-operazzjonjiet jew għall-out-patients, mili ta’ formularju għandu jkun limitat għal dak minimu u t-teħid ta’ demm għandu jitwaqqaf.

Il-lista tad-direttivi hi twila u tvarja minn sptar għal ieħor. Madankollu, ħaddiema tas-saħħa fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, fit-Taqsima tal-Emerġenza, fir-Renal Unit, fit-Taqsima tal-Pedjatrija tat-trabi tat-twelid, fil-Kura Intensiva u fid-Delivery Suite, fost l-oħrajn, huma eżentati minn dawn id-direttivi.

Għal din il-u-turn tal-Gvern qed ibatu wkoll il-pazjenti … fosthom dawk li ċemplu lil NET News għax kellhom appuntamenti importanti ta’ follow-up wara li kienu sarulhom interventi ta’ trattament għall-kanċer, li issa reġgħu spiċċaw posposti.