Coronavirus Festi Kultura Kunsilli Lokali Lokali Saħħa

In-Naxxarin joffru raġġ ta’ dawl fi żmien il-pandemija

Il-Kunsill Lokali tan-Naxxar u l-għaqdiet Naxxarin joffru donazzjonijiet lill-Malta Community Chest Fund fil-Vitorja

Minkejja l-pandemija tal-Coronavirus, inizjattiva nobbli li nbdiet mill-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista fin-Naxxar 26 sena ilu … dik ta’ għoti ta’ donazzjonijiet mill-għaqdiet Naxxarin għall-karità. Appuntament annwali li żammet postha ftit jiem qabel il-Festa ta’ Marija Bambina, iċċelebrata fl-istess lokalità.

Ritratt: Martin Agius

Dan hekk kif il-Ħadd filgħodu, propju fl-Aħħar Salve tan-Novena tal-Festa tal-Vitorja, il-Kunsill Lokali tan-Naxxar laqqa’ lill-għaqdiet Naxxarin quddiem is-sede tal-Grupp tal-Iscouts biex jiġu offruti donazzjonijiet lill-Malta Community Chest Fund, kif spjegat is-Sindku AnneMarie Muscat Fenech Adami.

Aħna nagħmlu mezz li nagħmluha din l-attività allavolja fi żmien mhux opportun minħabba l-pandemija, xorta għamilnieha barra. Stidinna rappreżentant wieħed minn kull għaqda u soċjetà mhux governattiva biex ikun hawn anqas nies u b’hekk stajna nagħmluha xorta. Importanti li kull qatra tgħodd għaliex l-MCCF, b’nefqa ta’ €1 miljun fix-xahar, għandha bżonn kull tip ta’ donazzjoni. In-Naxxarin qegħdin hawn biex jgħinu!”

Ritratt: Martin Agius

F’diskors li għamlet waqt l-għoti tad-donazzjonijiet, Anne Marie Muscat Fenech Adami saħqet li din l-attività ta’ solidarjetà fi żmien ta’ festa biddlet dan iż-żmien diffiċli u ta’ sfidi għal raġġ ta’ dawl u għaqda b’risq dawk li huma fil-bżonn.

Ritratt: Martin Agius

Irrimarkat kif il-Kunsill Lokali tan-Naxxar kien hemm għan-Naxxarin fi żmien ta’ sfidi b’numru ta’ inizjattivi fosthom it-tqassim ta’ numru kbir ta’ xirjiet għall-anzjani u dawk vulnerabbli, li ma setgħux joħorġu minn djarhom fl-ewwel 4 xhur tal-pandemija.

Għalhekk appellat lin-Naxxarin biex iġibu quddiem għajnejhom is-saħħa u l-benesseri tal-Maltin l-ewwel billi josservaw id-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa iżda anki jkunu solidali ma’ ta’ madwarhom.

Ritratt: Martin Agius

Jilqa’ dawn id-donazzjonijiet kien hemm il-President tar-Repubblika, George Vella, li fid-diskors tiegħu faħħar l-inizzjattiva nobbli tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar, flimkien mal-għaqdiet, u ħeġġeġ lil irħula oħrajn jieħdu l-eżempju tal-Kunsill Naxxari sabiex ikunu solidali mal-Community Chest Fund, partikolarment għaliex l-ispejjeż b’’rabta mal-mediċina tal-onkoloġija splodew ‘il fuq.

Ritratt: Martin Agius

Fost dawk li offrew id-donazzjonijiet tagħhom kien hemm is-Sindku, il-kunsilliera kif ukoll l-istaff tal-Kunsill Lokali, l-Arċipriet u l-Kapitli tal-Kolleġġjata ta’ Marija Bambina, każini politiċi, sportivi, kulturali u soċjali flimkien ma’ għadd ta’ deputati tal-Partit Nazzjonalista.

Ritratt: Martin Agius

In-Naxxar tingħaqad mal-Belt Senglea, mal-Mellieħa u max-Xagħra Għawdex biex mit-Tnejn f’12pm jidħlu fis-Solennità tat-Twelid ta’ Sidtna Marija, festa nazzjonali li hija abbinata ukoll mal-vittorja ta’ gżiritna fiż-żewġ assedji.

Ritratt: Martin Agius