Lokali

“Kif niftħu l-iskejjel ser ikollna każijiet” – Owen Bonnici

Ebda serħan il-moħħ għall-edukaturi u ġenituri 3 ġimgħat qabel il-ftuħ tal-iskejjel

“Kif niftħu l-iskejjel ser ikollna każijiet u ser ikollna tfal li jitpoġġew kwarantina, jiġifieri minn dawn ser ikun hemm – aħna qiegħdin ngħixu f’pandemija fejn il-pandemija qiegħda fil-komunita, jiġifieri ħa jkollna każijiet.”

Hekk sostna l-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici f’intervista s-Sibt filgħodu fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista, anqas minn 24 siegħa mindu l-media Laburista stess qalet li l-ġenituri u l-għalliema għandhom moħħom mistrieħ bil-ftuħ tal-iskejjel … fatt miċħud għalkollox minn bosta li kkumentaw.

Il-Ministru qal ukoll li l-esperjenza tal-ftuħ taċ-child care centres kienet waħda ta’ suċċess. Madankollu, bosta edukaturi u ġenituri sostnew li wieħed ma jistax iqabbel l-ammont ta’ tfal li jattendu f’dawn iċ-ċentri, mal-eluf li mistennija jinġabru fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex. U għal dawk li għal xi raġuni jew oħra qed jibżgħu jibgħatu lil uliedhom l-iskola, Owen Bonnici rrepeta li mhux se jkunu qed jingħataw multi.

Madankollu, meta mistoqsi dwar kif se jkunu qed jirċievu l-edukazzjoni dawn it-tfal, il-Ministru waħħal fl-Union tal-Għalliema (MUT), li qed toġġezzjoni għas-sistema hybrid, fejn il-lezzjoni ssir fil-klassi u tintwera wkoll b’mod dirett u virtwali għal dawk li jibqgħu d-dar.

Dan ifisser li l-Gvern għad m’għandux soluzzjoni għal din l-isfida … tliet ġimgħat qabel il-ftuħ ta’ sena skolastika ġdida.

Mistoqsi dwar x’jiġri f’każ li l-għalliema jkunu ma jifilħux u kif l-istudenti se jirċievu l-lezzjoni, Owen Bonnici stqarr li dawk it-tfal li l-għalliema tagħhom tkun ma tiflaħx ikunu jistgħu isegwu l-lezzjoni tal-klassi ta’ ma ġenbhom, bis-superviżjoni tal-LSE.

Bosta edukaturi saħqu li din is-soluzzjoni mhix ideali, ladarba hemm il-possibbiltà li l-klassi l-oħra tkun għaddejja minn parti oħra tas-sillabus tal-istess suġġett.

Il-Ministru saħaq li hemm il-possibilita wkoll li l-lezzjonijiet jiġu segwiti wkoll permezz ta’ aċċess onlajn fuq bażi ta’ on demand.

Dan filwaqt li meta kien mistoqsi dwar għalliema u studenti vulnerabbli, il-Ministru tal-Edukazzjoni kkonferma n-nuqqas ta’ ppjanar tal-Gvern billi qal li ma jistax jagħti ċertezzi.

Sadanittant, matul l-istess programm, il-Professur Charmaine Gauci appellat lill-ġenituri biex ma jibgħatux lil uliedhom l-iskola jekk ikunu ma jifilħux, filwaqt li jekk ifeġġ każ fl-iskejjel, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa.