Lokali

Kristiansen jikkontesta t-talba għall-estradizzjoni

Jesper Kristiansen, it-tielet raġel arrestat b’rabta mal-qtil tal-koppja Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski f’Tas-Sliema fit-18 ta’ Awwissu li għadda, qed jikkontesta t-talba għall-estradizzjoni biex jibda l-proċess tal-ġustizzja f’pajjiżna. Għaldaqstant, din it-talba mistennija ttawwal il-proċess tal-ġustizzja.

Il-gazzetta Sunday Times of Malta kkwotat sorsi qrib l-investigazzjonijiet, li spjegaw kif il-proċeduri fi Spanja, fejn ġie arrestat id-Daniż, issa jistgħu jieħdu mill-anqas tliet ġimgħat. Wara d-delitt, hu kien ħarab minn pajjiżna, bil-Pulizija Maltija toħroġ Mandat Ewropew ta’ Arrest u titlob l-għajnuna tal-Interpol.

Il-gazzetta tgħid li l-investigaturi għadhom qed jippruvaw jestabilixxu kif Kristiansen irnexxielu jitlaq minn pajjiżna. L-akbar possibbiltà hi li d-Daniż biddel id-dehra tiegħu u dan il-fatt għamilha aktar faċli għalih biex għaxart ijiem wara d-delitt – fit-28 ta’ Awwissu – telaq mill-Ajruport Internazzjonali.

Barra minhekk, minħabba li siefer lejn pajjiż ieħor li jinsab fiż-Żona Schengen, ma kien hemm bżonn jgħaddi minn l-ebda kontroll tal-Passaport. Iżda l-ħarba ta’ Kristiansen fit-territorju Spanjol ma damitx aktar minn jumejn, hekk kif id-Daniż instab mill-Pulizija Spanjola fit-30 tax-xahar f’lukanda f’Cadiz. L-investigaturi mhux jeskludu wkoll li kera karozza biex jasal sa hemm.

L-arrest ta’ Kristiansen isegwi dawk tal-Albaniż Daniel Muka u ta’ Viktor Dragomanski, mill-Maċedonja … b’dawn isiru f’pajjiżna stess, l-ewwel wieħed fil-Furjana u l-ieħor fil-Gżira. Filwaqt li l-każ ta’ Muka qed jinstema’ mill-Maġistrat Nadine Lia, dak ta’ Dragomanski mistenni jibda jinstema’ l-Erbgħa li ġej quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud.

Ikkummenta