Il-Japan-Europe Palace Art Association, b’kollaborazzjoni mal-Ambaxxata Ġappuniża, f’din it-tmiem il-ġimgħa organizzat wirja t’arti, bit-tema ‘Japan Art Festival, li laqqgħet l-arti Maltija ma’ Ġappuniża fis-Sagra Infermerija f’Dar il-Mediterran, il-Belt.

Is-Segretarju Ġenerali tas-Assoċjazzjoni, Yoji Yasuhiro, saħaq fuq l-importanza li wirjiet bħal dawn jirnexxielhom jinbtu ħbiberiji ġodda bejn 2 kulturi kuntrastanti iżda b’similaritajiet:
“Bdejna dan l-iskambju t’arti u kultura bejn Malta u l-Ġappun lura fl-2013 għaliex nemmnu li ż-żewġ popli jistgħu jifhmu aktar lil xulxin b’opportunitajiet bħal dawn filwaqt li jinbtu ħbiberiji ġodda.”

Huwa kompla jispjega kif fil-wirja hemm esebiti aktar minn 300 opra differenti t’arti mill-Ġappun:
“Hawn bosta bċejjeċ t’arti li jvarjaw minn pitturi tradizzjonali Ġappuniżi, għal oħrajn biż-żejt fuq it-tila, sa poeżija, bħall-ħajku u t-tanka. Din it-taħlita ta’ pitturi tradizzjonali u dik moderna tirrifletti dak li jsawwar lill-Ġappun, it-tradizzjoni u l-modern.”

Fost ix-xogħlijiet l-oħra esebiti hemm crafts, skroll b’letteratura fuqha, skulturi bl-idejn, ritratti kif ukoll bċejjeċ t’arti magħmula minn materjal riċiklat.

Bosta artisti Ġappuniżi li ħadu sehem sfortunatament ma setgħux jattendu għal din il-wirja, għaliex jinsabu maqbuda fil-Ġappun kawża tal-pandemija iżda bagħtu l-messaġġi tagħhom lill-artisti Maltin li ħadu sehem, kif ukoll għall-viżitaturi, liema messaġġi ġew tradotti għall-Ingliż.
Joseph Barbara, il-kuratur tal-wirja, spjega kif il-wirja ta’ din is-sena hija l-akbar waħda li qatt saret fl-aħħar 7 snin u offra aktar tagħrif fuq l-arti Maltija esebita.

“Bħala xogħlijiet Maltin hawn 30 biċċa, 25 biċċa pittura minn artisti differenti u 5 ritratti minn fotografi Maltin. Is-suġġetti huma varji u nawgura li dawn ix-xogħlijiet jintgħoġbu mill-Ġappuniżi meta l-wirja tiġi esebita hemm.”
Kif spjega Joseph Barbara, din il-wirja se tiġi ttrasportata lejn il-Ġappun biex f’Ottubru tiġi esebita fil-kapitali Tokjo.
