Futbol Sport

L-ewwel punt għat-tim Malti wara draw kontra l-Latvja

(Ritratt ta' Catriel Farrugia Sghendo)

Malta……………………..1

Latvja……………………..1

Malta: H. Bonello, Z. Muscat, S. Borg (c) (A. Aguis), E. Pepe, R. Camenzuli, J. Mbong, T. Teuma, M. Guillaumier (S. Pisani), L. Gambin , J. Degabriele (J. Grech), K. Nwoko,

Latvja: P. Steinbors, R. Savalnieks (R.Rugins), A. Cernomordijs, K. Dubra, R. Jurkovskis, A. Jaunzems, A. Zjuzins (K. Karklins), E. Emsis, A. Ciganiks, R. Krollis (D. Ikaunieks), J. Ikaunieks

Referee: Stèphanie Frappart

It-tim nazzjonali Malti jirbaħ l-ewwel punt tal-UEFA Nations League ta’ din is-sena, fejn temm il-partita kontra l-Latvja f’parita ta’ 1-1 bil-gowls skurjati minn Kyrian Nwoko u Kaspars Dubra. Din il-logħba kienet ukoll l-ewwel riżultat pożittiv għat-tim Malti kontra l-Latvja f’kompetizzjonijiet internazzjonali.

L-ewwel ċans għat-tim Malti wasal fis-sitt minuta meta d-difiża tal-Latvja żbaljat u tilfet il-ballun b’Ryan Camenzuli ħataf din l-opportunità b’xutt b’saħħtu iżda dan ħabat mal-lasta.

Il-Maltin komplew bil-bidu pożittiv tagħhom, u xutt ta’ Jurgen Degabriele kien milqugħ minn Pavels Steinbors, iżda twaqqaf il-logħob minħabba li l-istess Degabriele kien f’pożizzjoni rregolari.

Il-Latvja rreaġixxew mill-ewwel u waslet l-ewwel opportunità ta’ gowl tagħhom minn attakk fuq il-linja tax-xellug iżda Henry Bonello laqa’ tajjeb.

Il-Maltin fetħu l-iskor mal-kwarta logħob, fejn Joseph Mbong fuq il-linja tal-lemin qabeż id-difensur tal-Latvja u tefa’ cross fil-baxx ġol-kaxxa li sab lil Kyrian Nwoko u minn pożizzjoni ideali ma falliex.

Fl-20 minuta, Andrejs Ciganiks tal-Latvja ġie f’pożizzjoni tajba ħafna għall-gowl, iżda ra x-xutt tiegħu jkun milqugħ minn Bonello, bil-captain tat-tim Steve Borġ itajjar il-ballun immedjatament.

Il-Latvja skurjaw il-gowl tad-draw fil-25 minuta meta minn corner tajjeb, Kaspars Dubra ħarab id-difiża Maltija fejn tefa’ l-ballun fix-xibka b’devjazzjoni ta’ Matthew Guillaumier tagħmilha diffiċli għal Bonello li jilqa’.

L-aħħar ċans tal-ewwel taqsima wasal fit-38 minuta permezz tal-attakkant tal-Latvja Raimonds Krollis u li għal darboħra, Bonello kien tajjeb u laqa’ x-xutt tal-plejer, biex b’hekk it-timijiet daħlu f’parita mat-tifsira tas-suffara.

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota fit-tieni taqsima waslet fis-70 minuta mil-Latvja meta ballun fit-tul min-nofs sab lil Janis Ikaunieks li waħdu quddiem il-gowlkiper falla milli jinkwadra l-lasta.

Wara dominju u pressa kbira mit-tim tal-Latvja tul it-tieni taqsima, waslet opportunità tajba għall-Maltin wara li Borġ qassam il-ballun lil Nwoko fil-kaxxa, li dar tajjeb iżda x-xutt mar ftit barra. Dan fisser li t-timijiet immexxija minn Devis Mangia u Dainis Kazakevics temmew il-partita li f’parita.

Fil-partita l-oħra tal-League D fi Grupp A, gowl wieħed iddeċieda l-logħba permezz ta’ Klaemint Olsen li rebbaħ il-konfront lil Gżejjer Faroe kontra l-Andorra. Għalhekk, huma jinsabu fil-quċċata tal-klassifika b’punti massimi wara li rebħu ukoll lil Maltin il-Ħamis li għadda bl-iskor ta’ 3-2.

UEFA NATIONS LEAGUE

Illum: Malta v Latvja 1-1, Wales v Bulgarija 1-0, Andorra v Gżejjer Faroe 0-1, Slovenja v Moldova 1-0, Ungerija v Russja 2-3, Irlanda v Fillandja 0-1, Spanja v Ukranja 4-0, Serbja v Turkija 0-0, Żvizzera v Ġermanja 1-1, Kossovo v Greċja 1-2

Ikkummenta