Lokali

Robert Abela jinjora għal kollox is-suġġett tal-edukazzjoni

Abela jiddefendi lil Joseph Muscat

Tliet ġimgħat oħra, l-iskejjel madwar Malta u Għawdex se jkunu qed jiftħu l-bibien tagħhom mill-ġdid biex jilqgħu eluf ta’ studenti … fl-isfond ta’ pandemija li l-gżejjer Maltin ilhom iħabbtu wiċċhom magħha għal dawn l-aħħar sitt xhur.

Għaldaqstant, bosta għalliema u ġenituri l-Ħadd filgħodu stennew bi ħġarhom li l-Prim Ministru Robert Abela jtihom is-serħan il-moħħ li tant hawn għatx għalih. Madankollu, Abela ħarab għalkollox milli jindirizza dan is-suġġett.

Fil-fatt, waqt intervista li saritu minn Andrew Azzopardi fuq il-media Laburista, minflok indirizza s-suġġett li preżentament jinsab fuq fomm l-edukaturi u l-ġenituri, Abela pprefera jiddefendi lill-eks Prim Ministru, u llum Konsulent tiegħu, Joseph Muscat.

Mistoqsi jekk hux se jkun qed jieħu passi politiċi fil-konfront tal-eks Mexxej Laburista u l-persuna li rebaħ il-Premju internazzjonali tal-Korrott tas-Sena għall-2019, Abela faħħar dak li għamel Muscat fis-seba’ snin kemm dam Prim Ministru. Iżda ftit tas-sekondi wara, hu reġa’ pprova jiddistanzja ruħu minnu billi qal li Muscat qatt ma kien Konsulent tiegħu.

Iżda l-fatti juru mod ieħor għax kulħadd jiftakar id-dikjarazzjoni ta’ Abela – barra Kastilja – meta kien ammetta li Muscat hu l-Konsulent tiegħu fl-ekonomija. Dan meta Muscat kien inqabad mill-cameras ta’ NET News ħiereġ minn Kastilja fi tmiem laqgħa, tard filgħaxija.

Mistoqsi wkoll dwar l-eks Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembri, Abela reġa’ farfar ir-responsabbiltà politika u minflok, qal li kwalunkwe mistoqsija dwar dan għandhom isiru lill-Kummissarju tal-Pulizija.

Sadanittant, il-Prim Ministru għamel u-turn oħra … din id-darba dwar il-possibbiltà ta’ elezzjoni ġenerali bikrija. Sa ftit tal-ġimgħat ilu, hu kien jgħid li l-elezzjoni ġenerali li ġejja se ssir fi tmiem il-leġislatura ta’ ħames snin.

Iżda issa ma eskludiex li din issir qabel għax, fi kliemu, din għandha ssir fiż-żmien opportun.

Dan ikun ifisser li anke dwar dan, Abela se jsegwi l-passi ta’ Muscat u ma jagħmilx leġislatura sal-aħħar