Internazzjonali

Stati Uniti: Missjoni ta’ salvataġġ fost nirien qawwija f’Kalifornja

L-awtoritajiet għall-emerġenzi f’Kalifornja għaddejjin b’missjoni biex isalvaw għexieren ta’ nies mill-inħawi tal-Mammoth Pool Reservoir wara li huma spiċċaw maqbudin min-nirien qawwi li ħakmu f’dik iz-zona.

Fl-aħħar sigħat, il-ħelikopters salvaw l-għexieren tan-nies miz-zona tal-emerġenza li tinsab xi 60 kilometru lejn il-grigal ta’ Fresno. Madankollu, mhux magħruf l-ammont eżatt ta’ persuni li spiċċaw fis-sitwazzjoni ddisprata, bis-servizzi għall-emerġenza qed ikomplu b’din il-ħidma urġenti. L-aħħar rapporti rreferew għal numru ta’ midruba fin-nirien iżda ma ssemmex vittmi.

In-nirien inkwistjoni – imlaqqmin Creek Fire – ilhom jaqbdu mill-Ġimgħa u fejn, nhar is-Sibt u l-Ħadd, ħakmu z-zona magħrufa bħala Sierra National Forest li hi ddominata minn territorju aħrax u medda kbira ta’ siġar.

Skont l-aħħar rapporti, ‘il fuq minn 70 kienu salvati mill-ħelikopters militari li sfidaw il-periklu biex jinżlu f’dik iz-zona u jwasslu lin-nies lejn l-ajruport internazzjonali ta’ Fresno Yosemite. Il-ħelikopters, intant, mistennija jinsistu bil-ħidma tas-salvataġġ sakemm jaċċertaw mill-ammonti tan- nies li għad fadal fl-inħawi tal-Mammoth Pool Reservoir.

Il-ħidma urġenti għaddejja waqt li numru ta’ zoni fl-Istat ta’ Kalifornja għaddejjin minn mewġa ta’ sħana rekord. Il-Gvernatur ta’ Kalifornja, Gavin Newsom, fi tmiem il-ġimgħa, ħabbar stat ta’ emerġenza, fost it-twissijiet li l-Istat seta’ jimplimenta qtugħ fis-sistema tad-dawl  — fuq sistema ta’ rotazzjoni – bil-għan li tintlaqa’ id-domanda eċċessiva għas-servizz.