Lokali

Tħassib dwar iż-żieda fl-ammont ta’ persuni fir-riskju tal-faqar

Hu inkwetanti kif, minkejja l-ftaħir dwar l-ekonomija suppost fuq ir-rubini, dawk f’deprivazzjoni materjali severa u dawk fir-riskju tal-faqar komplew jiżdiedu u mhux naqsu.

Kliem Joe Zahra, l-eks Editur tal-ġurnal In-Nazzjon, f’kumment mal-gazzetta Il-Mument fid-dawl tal-aħħar ċifri Ewropej dwar il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin … li qed jindikaw li f’pajjiżna l-faqar qed ikompli jgħolli rasu.

Fil-fatt, skont l-istess statistika Ewropea, aktar minn 97,000 persuna rriżultaw li jinsabu f’riskju tal-faqar jew f’esklużjoni soċjali, filwaqt li aktar minn 82,000 persuna huma f’riskju tal-faqar.

Dwar dawn, Joe Zahra fakkar fil-wegħda tal-Gvern Laburista fid-diskors tal-Budget għal din is-sena, fejn kien qal li l-prosperità li tnisslet mit-tkabbir ekonomiku infirxet sew fis-soċjetà Maltija. Skont id-diskors tal-Budget, il-miżuri li qed iressaq il-Gvern minn sena għall-oħra, qed ikunu ta’ wens u sostenn għal dawk fil-bżonn.

Skont kif l-Unjoni Ewropea ffissat il-parametri ta’ min hu meqjus bħala fir-riskju tal-faqar, jirriżulta li dawk li qed jiffaċċjaw din l-isfida jaqilgħu anqas minn 177 ewro fil-ġimgħa jew anqas minn 767 ewro fix-xahar.

Ma’ Il-Mument, Joe Zahra qal li hi sfortuna kif, għal sena oħra, il-Gvern reġa’ ngħata ċertifikat ieħor ħażin.

Sadanittant, il-gazzetta kellmet ukoll lill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Faqar Ivan Bartolo, li fisser li din is-sitwazzjoni – speċjalment fejn jidħol in-nuqqas ta’ ikel li qed isofru diversi familji Maltin – għadha mhux indirizzata bis-serjetà mill-Gvern Laburista.