Internazzjonali

Tuneżija: Maqtulin f’azzjoni terroristika f’Sousse

L-awtoritajiet Tuneżini qed jinvestigaw attakk terroristiku li sewa l-ħajja ta’ pulizija – bi tliet aggressuri jinqatlu wkoll fl-istess azzjoni. L-inċident seħħ fil-belt ta’ Sousse, b’uffiċjal ieħor tal-pulizija jispiċċa ferut mill-aggressuri li kienu armati bi skieken. It-‘terroristi’ imbagħad inqatlu kollha mill-isparar tal-pulizija.

L-attakk seħħ jumejn wara li l-Gvern ġdid tat-Tuneżija ħa l-ġurament tal-ħatra.

Intant, l-aggressuri – suspettati bħala militanti Iżlamiċi – saqu vettura dritt għal ġo checkpoint tal-Gwardja Nazzjonali qrib il-port ta’ Sousse u waqt l-attakk irnexxielhom jisirqu wkoll xi armi tan-nar u karozza tal-pulizija qabel telqu mill-inħawi.

Il-qawwiet tas-sigurtà imbagħad ippersistew warajhom tul iz-zoni turistiċi ta’ El Kantaoui u sakemm it-terroristi sfaw eliminati fi sparatura.

Fl-2015, l-inħawi ta’ Sousse – popolari ħafna mat-turisti – kienu x-xena ta’ wieħed mill-agħar attakki terroristiċi fit-Tuneżija, meta fanatiku armat kien qatel 38 persuna; fil-parti kbira turisti mir-Renju Unit,.