Coronavirus Lokali Saħħa

37 każ ġdid, ifiqu 63

Bejn il-Ħadd it-Tnejn pajjiżna rreġistra 37 każ ġdid, bin-numru ta’ każijiet attivi huwa ta’ 447. Aħbar pożittiva hi li fl-aħħar sigħat fiequ 63 persuna minn din l-imxija.

Dan tħabbar fil-paġna tal-Ministeru għas-Saħħa fuq Facebook, fejn ingħad li mill-każijiet li tħabbru l-Ħadd, tnejn minnhom kellhom kuntatt ma’ qarib li kien pożittiv, tnejn oħra minn fuq il-post tax-xogħol, tnejn oħra laqtu l-virus waqt social gathering, 2 oħra f’attività tal-body building u 3 kellhom kuntatt ma’ każ pożittiv.

Nifmhu li l-każijiet l-oħra li ma tħabbrux qed jitqiesu bħala sporadiċi, jiġifieri ma jafux minfejn ġew infettati.

Dan kollu jfisser li l-ammont ta’ każi totali mis-7 ta’ Marzu ‘l hawn telgħu għal 2,250. NET News hu l-uniku li qed iwassal iċ-ċifri kollha wara d-deċiżjoni li l-immigranti irregolari ma jibqgħux ikunu inklużi maċ-ċifri uffiċjali.

Għalhekk fit-total ta’ każi attivi, hemm inklużi 75 immigrant. Din l-informazzjoni ngħatat mis-Supritendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci fil-bulettin mediku ta’ nhar il-Ġimgħa li għadda.

Min-naħa l-oħra, it-total ta’ persuni li fiequ tela’ għal 1,697, filwaqt li l-ammont ta’ fatalitajiet baqa’ 14.

Sa issa f’din is-27 ġimgħa tal-imxija fostna kellna 92 każ ġdid, filwaqt li kellna fatalità waħda. L-appelli tal-awtoritajiet tas-saħħa baqgħu biex kull min iħoss is-sintomi tal-Coronavirus ma joħroġx mid-dar, u jagħmel swab test. L-awtoritajiet appellaw biex il-poplu Malti u Għawdxi jibqa’ kawt u jobdi r-regoli, fosthom li jżomm id-distanza, u jilbes maskra protettiva.