Lokali

AĠĠORNATA: Anzjana tinstab mejta fir-residenza tagħha wara li kienet attakkata minn żewġ pitbulls

Numru ta’ pulizija bħalissa jinsabu fi Triq Antonio Sciortino fl-Imsida dan wara li anzjana nstabet mejta fir-residenza tagħha.

Kelliem għall-Puliżija qalilna li l-anzjana ta’ 94 sena sfat attakkata minn żewġt’iklieb tar-razza pitbulls li kienu fl-istess residenza tagħha. Sorsi li tkellmu ma’ Net News qalulna li l-klieb ikkaġunawlha ġrieħi serji f’saqajha u f’wiċċha.

L-anzjana kienet tgħix mal-familjari tagħha iżda dak il-ħin li ġiet attakkatata minn dawn il-klieb hija kienet tinstab waħedha.

L-inċident seħħ f’xi ħin bejn it-15.00 u l-16.00. Kienu l-ġirien li semgħu lill-anzjana tgħajjat għall-għajnuna fejn ċemplu immedjatament lill-Pulizija u sejħu għall-ambulanza.

Hekk kif membri tal-Pulizija u tim mediku daħlu fir-residenza tagħha, sfortunatmanet sabu lill-anzjana mejta.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali li qed titmexxa mill-Maġistrat Charmaine Galea.

L-investigazzjoni tal-Pulizija għadhom għaddejjin.