Lokali

AĠĠORNATA: Raġel imut wara ħabta bejn mutur u karozza fix-Xemxija

Raġel tilef ħajtu wara ħabta li seħħet fi Triq Telgħet ix-Xemxija, f’San Pawl il-Baħar bejn mutur tal-għamla Gilera u karozza tat-tip Land Rover għall-ħabta tas-6.30pm. 

Is-sewwieq tal-mutur huwa Ġermaniż ta’ 46 sena li joqgħod San Pawl il-Baħar, filwaqt li l-karozza kienet misjuqa min raġel ta’ 36 sena residenti l-Mellieħa.

Fuq il-post issejħu minnufih il-pulizija tad-Distrett kif ukoll membri tal-emerġenza fejn taw l-ewwel għajnuna, iżda sfortunatament is-sewwieq tilef ħajtu mad-daqqa.

Kawża ta’ dan l-inċident inġema’ t-traffiku fuq iż-żewġ karreġjati li jagħtu lejn iż-żewġ direzzjonijiet opposti fejn itt-Telgħa tax-Xemxija għamlet ħin twil magħluqa għat-traffiku.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea li ħatret numru ta’ esperti sabiex jassistuha fl-Inkjesta Maġisterjali filwaqt li l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.