Lokali Sport

Appell lill-Gvern biex iżomm kelmtu mal-Isportivi u l-Għaqdiet Mhux Governattivi

Importanti li l-konsultazzjoni min-naħa tal-Gvern ssir b'mod serju u regolari ma' dawk kollha involuti fil-qasam sportiv, soċjali u kulturali

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ, l-Isport tul Ħajjitna, il-Volontarjat u l-Ġlieda kontra l-Obeżità, Robert Cutajar, il-Partit Nazzjonalista qal li sal-lum il-Gvern Laburista għadu ma żammx kelmtu u baqa’ qatt ma kkomunika mal-għaqdiet, każini u klabbs sportivi flimkien ma’ organizzazzjonijiet varji mhux governattivi (volontarji) sabiex jinfurmahhom dwar l-għajnuna li effettivament jistgħu jibbenefikaw minnha. Dan minkejja li issa ilu kwazi tliet xhur, li l-Gvern permezz tal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna li stqarr fil-Parlament waqt laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji li saret fil-Parlament fis-16 ta’ Gunju 2020. Dawn l-għajnuniet kienu jikkonsistu f’talbiet għall-għajnuna/eżenzjonijiet fuq kontijiet tad-dawl u l-ilma kif ukoll ukoll eżenzjonijiet fuq ħlasijiet/kontijiet oħra dovuti lill-Gvern relatati ma’ kirjiet u/jew miżati ta’ affiljazzjoni.

Ta’ min wieħed ifakkar li dawn il-proposti intenzjonati biex iwieżnu lil dawn l-entitajiet waqt u wara l-imxija tal-COVID-19 kienu tressqu minni f’isem l-Oppożizzjoni f’April li għadda. Wara li l-Gvern dam jitrattjeni kważi xahrejn biex jilqa’ dawn il-proposti, kien propju ġimgħat wara li l-Gvern kien laqa’ l-proposti tal-Oppożizzjoni li pero’ sal-lum dawn għadhom ma’ daħlux fis-seħħ u li allura fisser li dawn l-istess organizzazjonijiet tħallew f’inċertezza u bi problemi kbar biex huma jkunu jistgħu jkomplu jiffunzjonaw, joperaw u jagħtu kontribut f’pajjiżna primarjament fl-oqsma sportivi, soċjali u kulturali.

F’isem l-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li qed jappella lill-Gvern sabiex b’mod immedjat jara li jżomm il-kelma tiegħu u jgħin minnufih lil dawn l-organizzazzjoniniet kollha bla distinzjoni u mingħajr ma’ jkun selettiv. Dawn huma l-istess organizzazjonijiet li bejniethom iħaddmu aktar minn 5,000 ħaddiem, apparti għexieren ta’ eluf oħra li jikkontribwixxu b’mod volontarju b’risq is-soċjeta’ Maltija.

L-Oppożizzjoni tappella wkoll li filwaqt li s-saħħa għandha tibqa’ dejjem tkun prijorita’ f’kull deċiżjoni li l-Awtoritajiet jieħdu fir-rigward tal-imxija tal-COVID-19,  huwa importanti wkoll li meta jiġu mħabbra protokolli dawn ikollhom fihom sens ta’ prattiċita’ u bilanċ,  fosthom prattiċi li ġew introdotti fost pajjiżi fl-Ewropa, anke sabiex safejn huwa possibbli l-attivitajiet sportivi varji jibqgħu għaddejjin u li l-istess Awtoritajiet għandhom jibqgħu jfittxu konsultazzjoni serja u regolari ma’ dawk kollha involuti sabiex jiġu evitati inċertezzi u skossi bla bżonn.