Coronavirus Internazzjonali Saħħa

COVID-19 madwar id-dinja; Aktar każijiet mill-ftuħ tal-iskejjel

Madwar id-dinja issa hemm aktar minn 27 miljun każ ta’ COVID-19 u 883,000 persuna li tilfet ħajjitha kawża tal-pandemija.

L-Indja rrapportat 90,000 każ ġdid biex issa qabżet lill-Brażil u għandha t-tieni l-ogħla numru ta’ każijiet konfermati ta’ Coronavirus madwar id-dinja, bl-Amerika tibqa’ l-għar milquta.

Dawn in-numri xokkanti fl-Indja itellgħu n-numru totali ta’ każi għal 4.2 miljun. Il-Brażil qed jirrapporta ‘l fuq minn 4.1 miljun infezzjoni, iżda għad għandu t-tieni l-ogħla numru ta’ mwiet madwar id-dinja. L-Istati Uniti tkompli tkun l-agħar pajjiż milqut fid-dinja, b’aktar minn 6.2 miljun każ u 188,000 mewt.

Fir-Renju Unit, fl-aħħar sigħat kważi 3,000 persuna rriżultaw pożittiv għall-COVID-19. Skola fl-Ingilterra għalqet wara li ħames għalliema ittestjaw pożittiv għal dan  il-virus. Dan filwaqt li żewġ għalliema oħra mis-Samuel Ward Accademy f’Suffolk għadhom qed jistennew r-riżultat. Il-kelliem għas-saħħa Matt Hancock qal li ż-żieda fil-każi kienu fil-biċċa l-kbira fost żgħażagħ ta’ bejn is-17 u l-21 sena.

U f’Wales 21 student jinsabu fi kwarantina wara li ħaddiem fi skola primarja f’Bargoed ħareġ pożittiv għal virus.

Intant, Costa Smeralda, f’Sardenja, l-Italja, qed tkun meqjusa bħala sors għal numru kbir ta’ każijiet ġodda li qed joħorġu fl-Italja. Filfatt fl-aħħar jiem madwar 800 infezzjoni f’Lazio ġew traċċati lura għal Costa Smeralda, partikolarment fin-nightclubs. Il-ġimgħa li għaddiet l-eks Prim Ministru Silvio Berlosconi ttestja pożittiv wara li rritorna minn Costa Smeralda.

Fi Franza l-każi qed jogħlew ferm aktar malajr minn f’pajjiżi Ewropej oħra. Hawn kienu rreġistrati kważi 9,000 każ ġdid f’ġurnata waħda biss, l-akbar żieda tal-pajjiż sa mill-bidu tal-pandemija f’Marzu. Din iż-żieda hija kważi d-doppju ta’ dik fi Spanja u erba’ darbiet ogħla minn dik fl-Italja. Kawża ta’ dan fi Franza, is-sodod tal-kura intensiva huma kważi kollha okkupati.

Fir-Russja aktar minn 1,450 persuna ffirmaw petizzjoni onlajn imwaqqfa mill-unjin tal-għalliema Uchitel kontra kwalunkwe tilqima obbligatorja tal-għalliema. Dan filwaqt li l-gvern tal-Iżrael ħabbar li ser jiġu imposti curfews għal matul il-lejl f’40 belt fil-pajjiż.

Intant fin-Niġerja aktar minn 42,000 tabib fl-isptarijiet immexxija mill-istat bdew strajk indefinit biex jitolbu żieda fil-paga u faċilitajiet adegwati.

Il-Vaċċin

Sal-aħħar tas-sena, jista’ jkun hemm mill-inqas nofs tużżana vaċċini differenti fi provi kliniċi. Madwar 140 vaċċn ieħor jinsabu fi żvilupp bikri.

Vaċċin jista’ jieħu għexieren ta’ snin, biex jiġi żviluppat. Ir-riċerkaturi qed jittamaw li jiksbu l-istess ammont ta’ xogħol fi ftit xhur biss. Ħafna esperti jaħsbu li vaċċin x’aktarx li jkun disponibbli b’mod wiesa sa nofs l-2021.

Fi żviluppi oħra, l-Awstralja qed tgħid li se tassigura kważi 85 miljun doża ta’ vaċċin ġaladarba żewħ provi promettenti li qed isiru bħalissa jkunu suċċess.