Internazzjonali

Fil-Marokk jinżammu taħdidiet għall-paċi fil-Libja

Ritratt: AFP

Ġimagħtejn wara l-waqfien mill-ġlied, delegati tal-awtoritajiet rivali tal-Libja l-Ħadd iltaqgħu fil-belt Marokkina ta’ Bouznika għal taħdidiet għall-paċi.

Il-laqgħat saru bejn ħames delegati tal-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali tal-Prim Ministru Fayez al-Sarraj, li hu bbażat fi Tripli u li hu rikonoxxut min-Nazzjonijiet Uniti, u ħames delegati oħra tal-Ġeneral Khalifa Haftar, li jmexxi lill-Armata Nazzjonali Libjana bbażati f’Tobruk u li qed jikkontrolla medda ta’ territorju lejn il-lvant u n-nofsinar tal-Libja.

Fil-ftuħ tal-laqgħa, il-Ministru Marokkin tal-Affarijiet Barranin, Nasser Bourita, saħaq li Gvern Marokkin ried joffri spazju lil-Libjani jiddiskutu bejniethom il-kwistjonijiet li qed iżommuhom mifruda, bħalma kienet għamlet lura fl-2015 meta laqqgħat lill-partijiet konċernati u nħoloq il-Gvern rikonoxxut min-Nazzjonijiet Uniti ta’ Tripli.

Il-laqgħa inzertat ma’ taħdidiet oħra f’Istanbul bejn il-President Tork, Recep Tayyip Erdogan u l-Prim Ministru fi Tripli Fayez al-Sarraj.

Ikkummenta