Sport Sport Ieħor

FILMAT: Preżentazzjoni differenti mis-soltu għar-Regatta ta’ Jum il-Vitorja

Ir-Regatta f’Jum il-Vitorja ta’ din is-sena żgur li se tibqa’ tissemma fl-istorja ta’ dan l-isport. Wara li r-Regatta tal-31 ta’ Marzu kellha titħassar minħabba l-pandemija tal-Covid-19, bi sforz mill-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor, inħoloq protokoll mediku li l-awtoritajiet tas-saħħa aċċettaw.

Il-President tal-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor Stephen Paris qal li bħala assoċjazzjoni ma jistgħux iżommu lin-nies milli ma jattendux madwar il-Port il-Kbir mill-bogħod. Hu kompla li jistgħu joqogħdu fuq dgħajsa biex isegwu t-tlielaq filwaqt li jżommu l-miżuri tad-distanza soċjali.

Għall-ewwel darba fir-Regatta, id-dgħajjes se joħorġu kollha mill-klabbs rispettivi hekk kif il-mollijiet ta’ Pinto 4 u 5 se jkunu magħluqa bħala parti mill-miżuri ta’ saħħa u sigurtà. Il-preżentazzjoni mhux se ssir fuq il-palk u wara kull tellieqa, l-ewwel tlieta jkunu preżentati bil-midalji, it-trofej u l-palji relatati mal-klassifikazzjoni ħdejn it-taraġ ta’ quddiem id-Dwana.

Ix-Shields se jitqassmu fl-aħħar lid-Delegat li se jkun fuq il-moll minn waranofsinhar, imbagħad ikunu huma li jieħdu x-Shield lejn il-klabb tagħhom. “Mhux se jkun hemm nies, mhux se jkun hemm qaddiefa jaqbżu, mhux se jkun hemm is-sabiħ tas-soltu. Imma hekk kellu jkun sabiex ir-Regatta saret. Jiena jiddispjaċini li jkun min ikun il-klabb mhux se jkun jista’ jiċċelebra fuq il-moll imma l-qaddiefa li żgur aċċettawha għaliex l-objettiv tagħhom kien li dak li ma għamlux f’Marzu jagħmluh f’Settembru u aħjar.”

Paris saħaq li d-deċiżjoni ma kinitx f’idejhom li r-Regatta f’Marzu ma ssirx iżda kellhom jimxu mad-deċiżjonijiet. Hu kompla li jħarsu ‘l quddiem biex ir-Regatta f’Marzu tas-sena d-dieħla ssir jew bil-protokoll mediku eżistenti, jew bħas-soltu jew bi protokolli differenti. Stephen Paris żied li kulħadd irid jaċċetta li r-realtà ma għadiex li kienet u sakemm jinstab il-vaċċin, l-isport kollu se jkun qed jieħu daqqa kbira.