Futbol Sport

Gowl deċiżiv jagħti r-rebħa lit-Taljani fuq l-Olanda

(Ritratt: EPA)

It-Taljani għelbu lill-Olanda 1-0 fit-tieni partita tal-UEFA Nations League, bil-gowl deċiżiv jasal permezz ta’ Nicolo Barella. Dan fisser li issa t-Taljani jinsabu fil-quċċata tal-klassifika tal-League A Grupp 1 b’erba’ punti.

Żball fid-difiża tal-Olanda fil-11-il minuta offra l-ewwel opportunità lill-Italja, bil-ballun spiċċa f’saqajn Barella li prova xutt minn barra l-kaxxa iżda jkun milqugħ minn Jasper Cillessen.

Ċans ieħor għat-Taljani minn attakk tajjeb ta’ Leonardo Spinazzola fuq il-linja tax-xellug, li xeħet ballun fl-għoli fejn sab lil Niccolo Zaniolo u prova jsib ix-xibka b’rabuxxata mill-isbaħ.

Kompla d-dominju tat-tim nazzjonali Taljan permezz ta’ ballun fit-tul minn Lorenzo Insigne li wasal għand Ciro Immobile, imma falla milli nkwadra l-lasta.

L-ewwel opportunità denja ta’ nota mill-Olanda ġiet minn Georginio Wijnaldum fin-nofsija logħob meta qata’ l-ġewwa b’ġirja tajba u xxutja, iżda kien Gianluigi Donnarumma li laqa faċilment.

Reazzjoni immedjata mill-avversarji minn Insigne li mix-xellug qata’ l-ġewwa u prova għall-gowl iżda l-ballun għadda ftit barra. Ftit minuti wara, l-istess opportunità kellhu l-istess plejer li wkoll sfaxxat fix-xejn.

Fl-aħħar minuti tal-ewwel taqsima wasal il-gowl tal-Italja, b’attakk maħdum tajjeb minn diversi plejers, kien Immobile li tefa’ cross mill-isbaħ fuq BARELLA li waħdu fil-kaxxa b’daqqa ta’ ras tajba ma falliex.

Fit-52 minuta, tqassim ħażin fid-difiża tal-Olanda wassal għal ċans lit-Taljani iżda Spinazzola waħdu mal-gowlkiper dam biex jixxutja u Hans Hateboer tajjar il-ballun fil-ħin.

Attakk tajjeb mill-Olanda fejn kellhom xutt imċaħħad minn reazzjoni tajba ta’ Donnarumma wara li Wijnaldum tefa’ ballun fil-baxx lil Donny Van De Beek li rrisponda b’xutt b’saħħtu.

Fl-aħħar minuti tal-partita, opportunità tad-deheb għat-Taljani wara li daqqa ta’ ras lura ta’ Frenkie De Jong, il-ballun spiċċa għand Moise Kean li ħarab b’ġirja tajba u qabeż il-gowler iżda x-xutt mar ftit għoli mil-minduda. B’hekk il-logħba ntemmet b’rebħa għat-Taljani.