Wara li żvelajna allegazzjonijiet serji dwar kif qed titmexxa wasteserv f’għawdex fejn ħaddiema saħansitra jallegaw li qed ikunu bullied…
Sitwazzjoni xejn feliċi fil-WasteServ f’Għawdex hekk kif persuni fit-Tmexxija jagħtu ordnijiet abbużivi lil ħaddiema ta’ taħthom biex jimmanuvraw bil-moħbi skips potenzjalment kontaminati mill-virus Covid-19 minn taħt it-tinda fejn jittieħdu l-iswabs fix-Xewkija għall-ħdejn l-Isptar Ġenerali mmexxi minn Steward biex imbagħad jitgħabbew lejn Malta fuq vapuri tal-Gozo Channel mingħajr ma jkun iddikjarat il-veru kontenut tal-istess trakk li jġorr l-iskips lejn l-inċineratur fil-Marsa.
Sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon qalulna li min jagħti dawn l-ordnijiet jaf tajjeb li dawn l-iskips taħt it-tinda tax-Xewkija jkunu potenzjalment ikkontaminati bil-virus li jittieħed bl-aktar mod faċli jekk wieħed jiġi f’kuntatt miegħu.
Madankollu dawn it-terzi persuni fit-Tmexxija ta’ WasteServ jiġu jaqgħu u jqumu u għaliex dawn l-iskips iridu jitbattlu, allura jagħtu ordnijiet biex tali skips ikunu trasferiti lejn l-Isptar Steward biex minn hemmhekk, flimkien ma’ skips oħra sofor bil-clinical waste, jittieħdu lejn Malta.
“Jgħidulna biex ma niftħux ħalqna dwar xi nkunu qed inġorru. Jgħidulna li se jagħtuna dokumenti u nuru dawn id-dokumenti lil tal-Gozo Channel. Imma fid-dokumenti jkun hemm miktub mod, iżda fil-verità nkunu qed inġorru materjal ieħor perikoluż u possibbilment kontaminat.
“Lanqas għalina l-ħaddiema ma jibżgħu. Kieku jibżgħu għalina jagħtuna xi forma ta’ lbies protettiv. Ma jagħtuna assolutament xejn. La ingwanti. La maskra. Xejn. Jippretenduna li mmorru nġorru l-iskips aħna, waħidna. Neħduhom fl-Isptar biex imbagħad minn hemm nitilqu lejn il-Port b’tagħbija ta’ skips bl-affarijiet użati tal-Covid-19 li faċilment jistgħu jkunu kontaminati u skips oħra ta’ waste mill-Isptar,” qalilna wieħed mill-ħaddiema li tkellem magħna.
Sadanittant tard ilbieraħ filgħodu, WasteServ – maħsuda bid-dettalji żvelati fil-gazzetta Il-Mument tal-bieraħ – ħarġet stqarrija bejn ċaħdet dak żvelat u qalet li mhux minnu li hi tiffalsifika dokumenti dwar ġarr ta’ materjal għall-inċineratur ta’ Malta u qalet li l-iskart kliniku jinġarr skont il-protokolli miktuba li jiżguraw sigurtà assoluta.
L-istess WasteServ ċaħdet ukoll li fil-kumpanija jsir bullying ta’ ħaddiema.
Lil hinn minn kull retorika ta’ WasteServ, illum In-Nazzjon jista’ jiżvela rapport li impjegat ta’ WasteServ għamel mal-Pulizija fil-jiem li għaddew.
Fil-fatt ħaddiem ieħor fil-jiem li għaddew mar għand il-Pulizija ta’ Għawdex biex jitlob il-protezzjoni wara sensiela ta’ theddid minn persuni fit-Tmexxija tal-WasteServ f’Għawdex u żvela magħhom il-martirju li għaddej fil-post tax-xogħol sempliċiment għaliex irid li l-affarijiet isiru bis-serjetà u mhux b’abbuż ta’ poter… aktar u aktar meta f’sitwazzjoni delikata bħal din tidħol is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol.
In-Nazzjon għandu l-ismijiet ta’ min qed iwettaq dan l-abbuż serju fil-WasteServ ta’ Għawdex u ta’ min qed jhedded ħaddiema bl-impjieg tagħhom, li jkeċċihom u li qed jagħmlilhom ħajjithom infern.
Nistennew li l-Ministeru responsabbli mill-WasteServ b’mod immedjat jinvestiga bis-serjetà biex min qiegħed jabbuża mill-pożizzjoni tiegħu jieqaf immedjatament u jwieġeb għal għemilu. Ċerti ordnijiet dwar falsifikazzjoni ta’ dokumenti huma għalkollox inaċċettabbli għaliex huma qarrieqa u qed isiru bi ħsieb.
Sadanittant ilbieraħ il-Ħadd ħaddiema tal-WasteServ tkellmu ma’ In-Nazzjon u filwaqt li komplew jikkonfermaw id-dettalji tal-istorja żvelata mill-gazzetta Il-Mument, qalulna li anki f’Tal-Kus qed ikun hemm għadd ta’ abbużi serji fil-konfront ta’ ċerti ħaddiema.
“Diskriminazzjoni abbażi ta’ twemmin politiku. Diskriminazzjoni kontinwa u insapportabbli.”
//= $special ?>