Lokali

Il-bdiewa għandhom jibqgħu jgawdu r-raba’ tagħhom

Il-Gvern għandu jerfa’ r-responsabbilta’ li jara li raba’ li nqalgħet minħabba s-Central Link tiġi mnaddfa u rijabilitata sabiex tibqa’ tinħadem mill-bdiewa

Il-Gvern Laburista għandu jerfa’ r-responsabbilta’ u jara li r-raba’ fuq in-naħa tas-Central Link tkun tista’ tibqa’ tinħadem mill-bdiewa. Dan wara li l-Gvern, permezz ta’ Infrastruttura Malta, qed jibqa’ jkaxkar saqajh u mhux jagħmel dawk x-xogħolijiet neċesssarji biex inaddfu u jħallu r-raba’ fi stat li kien fih qabel ma daħlu biex ikunu jistgħu jsiru x-xogħlijiet relatati mas-Central Link. Dan qaluh fi starrija l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Agrikoltura u s-Sajd, Delizzji, Self Employed u l-Koperattivi Edwin Vassallo u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u Mobbiltà, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Toni Bezzina.

Dan wassal biex illum dan ir-raba’ spiċċa bix-xtiebi tagħhom miftuħa, siġar maqlugħin, bjar miftuħa u l-ħamrija mitfuha fil-ġenb. Għaldaqstant, dawn il-bdiewa qegħdin jaffaċċjaw diffikultajiet kbar biex ikunu jistgħu jibqgħu jaħdmu r-raba’ tagħhom, u dan meta hija r-responsabbilta’ tal-Gvern li jara li dan ikun possibbli li jibqa’ jsir.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tappella lill-Gvern sabiex jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu u jara li jikkordina x-xogħolijiet sabiex jara li l-bdiewa li għandhom raba’ li ġie mittiefes biex sar ix-xogħol jerġa’ jkollhom ir-raba’ taghhom imnaddaf u fi stat li jista’ jinħadem u dan ghandu jsir bla dewmien u bla telf ta’ żmien.