Il-Gvern ta’ Boris Johnson hedded lill-Unjoni Ewropea li se jimmina il-ftehim tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-blokk Ewropew sakemm ma jintlaħaqx qbil bejn iż-żewġ partijiet fuq il-kummerċ ħieles sax-xahar li ġej.
Dan wara li kien irrappurtat li l-Gvern Ingliż kien qed jippjana leġiżlazzjoni ġdida li telimina partijiet mill-ftehim tal-Brexit milħuq f’Jannar li għadda.
Din il-manuvra potenzjalment tista’ timmina t-trattat kollu u toħloq problemi bla bżonn bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq wara li saru arranġamenti speċjali biex il-fruntiera tibqa’ miftuħa bejn iż-żewġ territorji, providenzjali għaż-żamma tat-trattat ta’ paċi tal-1988.
Diplomatiċi Ewropej kienu maħsuda b’din il-manuvra u wissew li dan il-pass, lejliet taħdidiet ġodda f’Londra, se timmina l-prestiġju Brittaniku fuq livell globali u żżid ir-riskju ta’ ħruġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr qbil fl-aħħar tas-sena.
Dan ikabbar l-inċertezza fuq id-900 miljun dollaru ta’ kummerċ bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea kif ukoll taffettwa setturi diversi, mill-parts tal-karozzi, għall-mediċini sad-data.
Wara li Downing Street ta ultimatum sal-15 t’Ottubru biex jintlaħaq qbil, Johnson saħaq li jekk dak ma jintlaħaqx, il-ħruġ għandu jsir mingħajr qbil fuq il-kummerċ ħieles, b’oħrajn jaħsbu li l-Prim Ministru Ingliż qed jimmanuvra b’tali mod jiddevja mill-fjask tal-Coronavirus.
//= $special ?>