Ekonomija Lokali

Il-Kamra tal-SMEs titlob lill-Gvern isostni n-negozji

Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji ppubblikat sett ta’ 19-il proposta tal-Budget li prinċipalment jiffukaw fuq il-mekkaniżmu ta’ rispons urġenti meħtieġ biex jiġu miġġielda l-effetti tal-pandemija fuq in-negozji.

Fl-intervent tiegħu, il-President tac-Chamber Paul Abela ddikjara li l-2020 mhix is-sena li kulħadd stenna u se tibqa’ mfakkra bħala sena eċċezzjonali għal raġunijiet koroh. Abela spjega wkoll li n-negozji ttamaw għal aktar stabbiltà fl-2020, wara li Malta kienet għaddiet minn xhur turbulenti ħafna fl-aħħar tal-2019 u wara li pajjiżna kellu Prim Ministru ġdid.

L-istqarrija taċ-Chamber saħqet li n-nuqqas ta’ kunfidenza, nuqqas ta’ stabbiltà u inċertezza kbira ilhom magħna għal kważi sena issa meta nikkunsidraw ukoll l-instabbiltà politika li għalaqna biha l-2019. Huma qalu li n-negozji ntlaqtu ħażin ħafna u Malta għadha ma ħelsitx mill-COVID-19.

Il-Kamra qalet li l-Budget li jmiss għandu jiggarantixxi pakkett finanzjarju li jgħin lin-negozji matul il-perjodu tal-Coronavirus u jgħinhom jerġgħu jqumu fuq saqajhom hekk kif tgħaddi l-pandemija biex l-Ekonomija Maltija tkun sostnuta b’mod indipendenti.