Internazzjonali

Il-Pulizija Ingliża tarresta suspettat tal-omiċidju f’Birmingham

Ritratt: Sky News
Reazzjoni qawwija mill-pubbliku għall-filmati tas-CCTV tas-suspettat li qatel u ħalla oħrajn midruba

Il-Pulizija f’West Midlands arrestat żagħżugħ ta’ 27 sena fuq suspett li hu r-raġel armat b’sikkina li ħebb għal numru ta’ persuni f’Birmingham, bir-riżultat li raġel spiċċa maqtul u sebgħa oħra jisfaw midruba.

Ir-raġel kien arrestat għall-ħabta tal-4 tat-Tnejn filgħodu fi propjetà f’Selly Oak, Birmingham, skont stqarrija tal-istess Pulizija, wara sigħat twal ta’ tfittxijiet.

L-attakki damu madwar sagħtejn fis-sigħat bikrija tal-Ħadd waqt li kienu qed jagħlqu l-istabbilimenti tax-xorb.

Intant, filwaqt li l-Pulizija għadha qed tinvestiga x’ġara, fl-aħħar aġġornament tagħhom it-Tnejn filgħodu qalu li kellhom “rispons qawwi” għal filmati tas-CCTV tas-suspettat. Il-filmati juru raġel liebes kappa tal-baseball u barnuża skura b’qafliet bojod u qalziet skur.

Il-Pulizija ta’ West Midlands fi tweet qalu li l-investigaturi qed isegwu diversi dettaliji ġodda li ħarġu fl-aħħar sigħat grazzi għar-rispons tal-pubbliku. Huma qalu li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li dan l-attakk kien marbut mat-terroriżmu.