Edukazzjoni Lokali

Il-UPE b’direttivi għal-LSE’s

Il-UPE qed toħroġ id-direttiva li l-LSEs li huma membri tal-Union m'għandhomx jaċċettaw li jieħdu f'idejhom il-klassi jekk għalliem ma jkunx disponibbli.

Fi stqarrija, Ii-Union tal-Edukaturi Professjonali, il-UPE Voice of the Workers, kienet ixxukjatha bid-dikjarazzjoni li l-Ministru tal-Edukazzjoni għamel fuq programm tar-radju Laburista fejn sostna b’mod miftuħ li jekk għalliem ma jkunx disponibbli, l-LSE fil-klassi għandha tieħu ħsieb il-klassi kollha.

“Mistoqsi dwar x’jiġri f’każ li l-għalliema jkunu ma jifilħux u kif l-istudenti se jirċievu l-lezzjoni, Owen Bonnici stqarr li dawk it-tfal li l-għalliema tagħhom tkun ma tiflaħx ikunu jistgħu isegwu l-lezzjoni tal-klassi ta’ ma ġenbhom, bis-superviżjoni tal-LSE.”

F’din l-okkażjoni l-ministru wera kemm l-għarfien tiegħu dwar ir-rwoli u d-dmirijiet tal-LSE’s mhuwiex komplet. Jidher li ma jafx li peress li m’għandhomx warrant, jekk jaċċettaw li jieħdu f’idejhom klassi, kull ħaġa li tista’ tiġri lit-tfal matul iż-żmien li l-LSE titħalla responsabbli, issir ir-responsabbiltà personali sħiħa tal-LSE.

Barra minn hekk, ir-rwol u t-taħriġ tal-LSE huwa differenti ħafna minn dak ta’ għalliema. 

Il-UPE qalet li ma kien hemm ebda konsultazzjoni ma’ xi wieħed mill-edukaturi implikati f’din id-deċiżjoni, u lanqas ma kien hemm konsultazzjoni mal-unjin dwar bidla fid-deskrizzjoni tax-xogħol biex tiġġustifika dikjarazzjoni bħal din. 

L-Union tqis li din il-pożizzjoni f’isem il-Ministeru hija inaċċettabbli, u l-aspettattiva tagħha li l-LSEs jerfgħu r-responsabbiltà personali kif jidhirlu xieraq il-ministeru sempliċement għax iddeċieda li l-affarijiet għandhom ikunu hekk, mhix raġonevoli.

Għal din ir-raġuni, il-UPE qed toħroġ id-direttiva li l-LSEs li huma membri tal-Union m’għandhomx jaċċettaw li jieħdu f’idejhom il-klassi jekk għalliem ma jkunx disponibbli.