Coronavirus Edukazzjoni Lokali

“Kulħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà” – Carmelo Abela

“Kulħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà…”. Hekk qal il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela dwar il-ftuħ tal-iskejjel fejn qal li bħalissa, waqt li ninsabu għaddejjin minn pandemija, kulħadd jinsab inkwetat.

Carmela Abela qal li iżda, dawk li qed imexxu, għandhom responsabbiltà ikbar, iżda fi kliemu, hu wkoll, ma ta l-ebda serħan il-moħħ lill-ġenituri, lill-istudenti u l-edukaturi.

“Kull wieħed u waħda minnha għandu r-responabbiltà …. naħseb jien l-issue ta’ serħan il-moħħ hija issue kurrenti u għalhekk qed tinkwieta lil kulħadd”

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-inċertezza għadha tissokta fejn huwa evidenti li l-Gvern mhux iwassal serħan il-moħħ lil dawk l-aktar konċernati. F’intervista li għamel jiem ilu l-Ministru Owen Bonnici stqarr bosta drabi li mal-ftuħ tal-iskejjel, huwa inevitabbli li se jkunu rappurtati każijiet pożittivi. Dan għal kuntrarju ta’ dak li qalet il-media Laburista fejn provat tagħti l-impressjoni li l-edukaturi u l-għalliema għandhom moħħhom mistrieħ.

Nuqqas ta’ informazzjoni, jew l-informazzjoni toħroġ tard

Intant tkompli r-rabja ta’ bosta ġenituri. Dan hekk kif f’reazzjoni mqanqla f’posts fuq il-midja soċjali ħafna esprimew id-diżappunt tagħhom għad-deċizzjoni li dawk li joqgħodu kilometru u nofs jew anqas ‘il bogħol mill-iskola mhux se jkollhom trasport provdut. Ħafna qalu li deċizjoni bħal din mhux qed tinkoraġġixxi biex l-ulied jintbagħtu l-iskola.. anzi se sservi ta’ xkiel. Oħrajn saqsew jekk din hiex mossa min-naħa tal-Gvern biex taparsi jkun sab soluzzjoni sabiex inaqqas il-problema tat-traffiku.

Diversi ġenituri saħqu li minkejja l-Ministeru tal-Edukazzjoni kellu 7 xhur ċans biex jipprepara għall-ftuħ tal-iskola… dawn id-deċiżjonijiet qed jittieħdu issa… tliet ġimgħat biss qabel terġa’ tiftaħ l-iskola.