Lokali

L-elezzjoni għal Kap tal-PN għall-bidu ta’ Ottubru

Madwar 26,000 tesserat se jkunu jistgħu jivvutaw fi 17-il post differenti f’Malta u tnejn f’Għawdex

L-elezzjoni fost it-tesserati tal-PN għall-għażla ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista mistennija ssir bejn l-ewwel u t-tieni ġimgħa ta’ Ottubru.

Dan ħabbru ċ-Chairman tal-Kummissjoni Elettorali tal-PN Peter Fenech waqt intervent ilbieraħ filgħodu fuq NET FM fil-programm ‘Focus’, preżentat minn Graziella Attard Previ.

Peter Fenech qal li se jkunu madwar 26,000 it-tesserati eliġibbli biex jivvutaw f’din l-elezzjoni. Hu ħeġġeġ lit-tesserati kollha li għad fadlilhom xi pendenzi fil-ħlasijiet tat-tessera biex jagħmlu dan kemm jista’ jkun malajr, imma mhux aktar tard mill-14 ta’ Settembru. Dan għaliex wara li tkun konkluża l-lista aġġornata tat-tesserati eliġibbli biex jivvutaw, il-Kummissjoni jkun fadlilha ħafna xogħol ta’ tħejjija għall-elezzjoni, fosthom eluf ta’ ittri li jridu jintbagħtu lil kull tesserat biex jinfurmawh fejn għandu jivvota, bid-dettalji dwar il-votazzjoni kif ukoll informazzjoni oħra utli. Dawn l-ittri mistennija jintbagħtu bejn is-17 u t-18 ta’ Settembru. Fuq din l-ittra se jkun hemm spazju fejn it-tesserat jimla d-dettalji aġġornati tiegħu, biex din l-informazzjoni tintuża biex tkun aġġornata d-data tal-partit wara l-elezzjoni.

Hu qal li l-ħlasijiet pendenti tat-tesseri se jkunu aċċettati sa għaxart ijiem qabel id-data tal-Konvenzjoni Ġenerali, liema data għad trid tkun imħabbra b’mod definit hekk kif jintemm il-perjodu ta’ skrutinju taż-żewġ kandidati għal din l-elezzjoni, Adrian Delia u Bernard Grech.

Peter Fenech ħabbar ukoll li se jkunu 17 il-postijiet użati biex wieħed jivvota fihom, 15-il każin tal-PN f’Malta, id-Dar Ċentrali u l-AŻAD fil-Belt Valletta. Il-Ġimgħa u s-Sibt ta’ ġimgħa qabel l-elezzjoni se tkun qed issir l-early voting u xi ħaġa ġdida hi li se tingħata konċessjoni lil persuni b’nuqqas ta’ mobilità biex jekk javżaw minn qabel lill-Kummissjoni Elettorali, ikunu jistgħu jiġu f’data oħra jivvutaw fid-Dar Ċentrali, mingħajr l-ebda xkiel għall-kundizzjoni tagħhom.  

Hu ħeġġeġ lit-tesserati kollha biex isegwu l-midja tal-Partit fejn se tkun qed tingħata informazzjoni u aġġornamenti kemm dwar il-proċess kif ukoll dwar l-iskeda ta’ xandiriet li fihom se jkunu qegħdin jipparteċipaw Adrian Delia u Bernard Grech fuq Net FM u Net Television, liema attivitajiet se jibdew minn din il-ġimgħa stess.

Peter Fenech irringrazzja lill-ħaddiema kollha ta’ Media Link għax-xogħol siewi li qegħdin jagħmlu.