Lokali

“Ninsabu fil-politika biex inservu” – Adrian Delia

“Aħna qegħdin fil-politika biex naħdmu u nservi lill-poplu Malti u Għawdxi kollu”. Messaġġ ċar mill-Kap tal-PN Adrian Delia f’kollegament telefoniku fuq waqt il-programm Feedback fuq Net FM.

Huwa qal li l-politika tal-PN għandha tibqa’ li tersaq qrib in-nies u li tifhem l-isfidi li huma jsibu ta’ kuljum.  

Adrian Delia qal li l-PN wera l-ħidma tiegħu anki fil-pandemija tal-Covid-19, fejn ma waqafx milli jiddiskuti, iħejji l-politika u l-proposti.

Il-Kap tal-PN qal li mhux ġusta li llum għandna studenti, ġenituri u edukaturi li prattikament jinsabu bejn ħaltejn dwar kif se tibda s-sena skolastika… u appella li hemm il-ħtieġa li dawk kollha konċernati jkunu infurmati u mhux jitħallew f’limbu.

Adrian Delia tkellem fost l-oħrajn dwar il-każ tal-Vitals, huwa qal li fix-xhieda li ngħatat qed jintwera biċ-ċar il-qerq li kien hemm fil-kuntratt tal-bejgħ tal-isptarijiet.

Il-kuntratt kien ingħata lil VGH fl-2015, fejn ingħataw it-tmexxija ta’ San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Generali ta’ Għawdex ghal 30 sena. Huma jitħallsu mal-50 miljun ewro kull sena mill-flus il-poplu Malti u Għawdxi….minkejja li ma kellhom ebda esperjenza fis-settur mediku.

Adrian Delia qal li dan il-kuntratt sar taħt il-barka tal-Ministru ta’ dak iż-żmien Konrad Mizzi… fejn id-danni tiegħu għadna qed nħalsuhom illum bħala poplu… b’miljuni kbar fix-xahar. Huwa qal li skont il-kalkoli li saru, b’dawn il-flus kull familja f’Malta u Għawdex tkun tista’ tingħata mad-€900 fis-sena, investiment tassew fil-poplu Malti kollu.

Fid-dawl ta’ dan kollu, Robert Abela m’għamel xejn dwar dan… tant hu hekk li żamm lil Joseph Muscat ma’ djulu, l-istess Prim Ministru li taħtu sar dan l-iskandlu u skandli oħrajn.

F’Lulju li għadda…investigazzjoni mill-Awditur Generali ikkonfermat li l-offerta tal-VGH kellha tkun skwalifikata, minħabba konfoffa mal-Gvern qabel kien inħareġ it-tender. Fl-istess waqt, il-Kap tal-PN Adrian Delia kien fetah kawza l-Qorti dwar dan id-deal skandaluż.