Il-każ u l-kjass li nqala’ dalgħodu fuq it-trasport tat-tfal tal-iskejjel ikompli juri kemm il-Ministeru tal-Edukazzjoni ma’ ppjanax kmieni u konsegwenza t’hekk għadu mhux ippreparat sew biex jiftaħ l-iskejjel fi żmien fejn kien jeħtieġ aktar u mhux anqas preparamenti. Policy studjata u ppjanata ma ddurx f’sagħtejn. Ministru tibqax tilgħab mal-edukazzjoni u s-saħħa tat-tfal u tal-edukaturi tagħna.
Hekk saħaq il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u t-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali Parteċipattiv, Clyde Puli.
Mijiet ta’ ġenituri tat-tfal tal-iskejjel dalgħodu bdew jirċievu emails mill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jinfurmawhom li skond il-policies il-ġodda għal waqt il-pandemija, it-tfal tagħhom m’ghadhomx intitolati għal transport b’xejn għall-iskola għaliex huma joqgħodu anqas minn 1.5 kilometru bogħod mill-iskola, kompliet tgħid l-istqarrija.
Din l-email qajmet reazzjonijiet negattivi u mill-ġenituri bi wħud jilmentaw li l-kalkoli tal-Ministeru huma ħżiena għaliex huma joqgħodu aktar minn 3 kilometri bogħod u oħrajn jilmentaw li uliedom iridu jaqsmu toroq traffikużi li minnhom jgħaddu ħafna karozzi u ingeniji kbar Dan kien il-każ ta dawk minn Ħal Qormi li jmorru l-iskejjel tal-Ħandaq li ġġiegħlhom jgħaddu bilfors minn arterja prinċipali bħalma hi Mdina Road. L-istqarrija tal- PN qalet li l-istess kien it-tħassib ta’ ġenituri minn St Venera li biex jibgħatu lill-uliedhom l-Middle School ta’ Paris riedu jgħaddu minn toroq traffikużi oħra bħal Psaila Street u Valley Road.
Il-PN saħaq li jidher li f’anqas minn sagħtejn il-ġenituri irċevew email oħra mill-istess Ministeru tal-edukazzjoni biex jiġu informati li l-applikazzjoni tagħhom ġiet riveduta u issa se jingħataw it-trasport b’xejn.
Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jeżiġi kjarifika filwaqt li jistaqsi jekk il-protokoll imħabbar ftit tal-ġranet għadux fis-seħħ u x’ kienu r-raġunijiet li ġiegħlu lill-ministeru li jinterpreta l-protokoll mod u issa qed jinterpretah mod ieħor?
//= $special ?>