Fost l-aspetti diversi li l-Festa tal-Vitorja tal-Mellieħa hija magħrufa għalihom, bla dubju ta’ xejn hemm il-qasam pirotekniku, bl-Għaqda tan-Nar Marija Bambina rnexxielha tħejji spettaklu ta’ logħob tan-nar minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija.
NET News żar iż-żona tax-Xagħra fil-Mellieħa fejn sab lid-dilettanti tan-nar Melleħin jippreparaw għall-ispettaklu ta’ Lejlet il-Festa, spettaklu wieħed minn diversi li d-dilettanti ħejjew fuq medda ta’ 3 ijiem, bejn is-6 u t-8 ta’ Settembru.
Il-President, Anthony Caruana, qalilna li minkejja kienet sena ta’ sfidi kbar, partikolarment bil-pandemija, l-Għaqda tan-Nar hija ferm grata tar-rispons qawwi li sabu mingħand il-Melleħin u l-komunità kummerċjali:
“Konna sorpriżi biex inkun sinċier. Ma bsarniex li ħa nsibu dan is-sapport li sibna din is-sena. Forsi fis-snin ta’ qabel ma ndunajniex li għandna dan is-sapport kollu però din is-sena, kulħadd jaf iċ-ċirkostanzi kif inhuma, u bis-saħħa tas-sapport li tawna n-nies, dan jimliena bil-kuraġġ għas-snin li ġejjin.”
Is-Segretarju tal-Għaqda, Trevor Vella, spjega kif il-ħarqa tat-Tranżlazzjoni Lejlet is-Solennità tat-Twelid tal-Verġni Marija mistennija ssir għall-ħabta tas-7 filgħaxija u elabora aktar dwar l-ispettaklu pirotekniku “Symphony of Colours” li ssegwi wara:
“Fid-9.15pm se jkollna ħarqa oħra bit-tema “Symphony of Colours” bid-differenza li din is-sena mhijiex se tkun sinkronizzata mal-mużika minħabba d-direttivi tas-saħħa pubblika li ħarġu. Però se jkollna spettaklu sabiħ maqsum fuq 3 partijiet u bejn parti u oħra se jkun hemm il-murtali tal-beraq u tal-kulur. (…) Nenfasizza li n-nies m’għandhomx għalfejn jiġu fi Triq Ġnien Ingraw bilfors iżda jistgħu jinfirxu mad-dawra kollha tal-Mellieħa għaliex in-nar jista’ jitgawda minn diversi postijiet differenti.”
NET Television fl-aħħar snin xandar b’mod dirett dan l-ispettaklu u din is-sena jista’ jitgawda xorta waħda fuq il-mezzi soċjali b’xandira diretta fuq il-paġna ta’ Facebook ‘Mellieħa Fireworks’.
Finalment, Trevor Vella temm jappella anki dwar il-ħarqa kbira li għandhom imħejjija għat-8 ta’ Settembru:
“Ftit qabel il-quddiesa solenni tal-Festa fis-6pm se naħarqu salut u waqt is-Sanctus se naħarqu xi murtali bil-logħob. Fi tmiem il-quddiesa mbagħad se naħarqu kaxxa infernali. Fid-9pm hemm ħarqa oħra tan-nar tal-ajru u gran finale b’kaxxa nfernali.”
Il-Mellieħa tiċċelebra dina l-festa flimkien mal-Belt Senglea, man-Naxxar u max-Xagħra Għawdex, festa nazzjonali li hija abbinata ukoll mal-vittorja ta’ gżiritna fiż-żewġ assedji.
//= $special ?>