Din hija s-sitwazzjoni diżastruż li tinsab fiha Triq il-Qbajjar f’Marsalforn, Għawdex.
Apparti l-wiċċ ħażin tat-triq li l-Ministeru għal Għawdex ilu jwiegħed li se jagħmel, teżisti wkoll problema ta’ skular ta’ likwidu, li mhux magħruf hux ilma maħmuġ jew drenaġġ. Dan qed joħloq inkonvenjent kbir għan-nies li joqogħdu f’din it-triq u t-turisti li speċjalment bħalissa fis-sajf jiffrekwentaw dan il-post.
Il-Kunsilliera tal-PN fil-lokalità taż-Żebbuġ qalu li ilhom jinsistu biex is-sitwazzjoni f’din it-triq tkun solvuta. Il-Minority Leader tal-PN Daniel Cordina, flimkien mal-Kunsillier Baskal Saliba qalu li f’laqgħa li nżammet mal-Ministru ta’ Għawdex saret pressjoni konġunta biex dan in-nuqqas ikun eleminat.
Huma qalu li mhux ġust fuq ir-residenti taz-zona fejn fost l-oħrajn hemm problema ta’ sanità u jkun hemm irwejjaħ kbar.
Il-Kunsilliera tal-PN sostnew li se jibqgħu jwasslu l-messaġġ tal-poplu biex dan in-nuqqas ikun solvut f’qasir żmien, biex wara kollox l-awtoritajiet konċernati jisimgħu mill-appelli tal-PN u mhux biss, iżda wkoll tal-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ.
//= $special ?>