Internazzjonali Lokali Qorti

Konferma oħra tal-‘ħbiberija’ bejn Yorgen Fenech u Keith Schembri

L-allegat kompliċi fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, li kien akkumpanjat mill-eks Chief of Staff ta' Muscat, kien arrestat fl-Istati Uniti fuq pussess ta' droga

L-allegat kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista, Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, kien niżżel lil Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Laburista, Joseph Muscat, bħala “ħabib” fir-rapport tal-Pulizija meta fil-15 ta’ Lulju 2019 kien arrestat fl-Ajruport ta’ Houston, fl-Istati Uniti.

Dan sar magħruf ftit jiem wara li fil-Qorti, f’xiehda fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech fil-Qrati Maltin dwar l-interrogazzjoni, intqal li Fenech kien tenna li Schembri kien talbu jsib lil xi ħadd joqtol lil Daphne Caruana Galizia.

L-informazzjoni dwar l-arrest fl-Istati Uniti ħarġet wara li l-Fondazzjoni Daphne akkwistat ir-rapport tal-Pulizija relatat mal-arrest ta’ Fenech wara talba għal-Libertà tal-Informazzjoni.

Fenech kien inżamm mill-uffiċjali Amerikana tad-dwana wara li l-pulizija kienet innotifikata mill-ekwipaġġ tat-titjira minn Londra għal Houston li passiġġier innota lil Fenech jikkunsma sustanza ta’ droga fit-toilet tal-ajruplan.

Wara tfittxijiet li saru fuq Yorgen Fenech, fil-bagalja tiegħu kienu nstabu 2 boroż żgħar b’aktar minn 8 grammi ta’ sustanza bajda ta’ droga, li kien ammetta li kien xtara mill-kapitali Ingliża qabel it-titjira.

Fid-dikjarazzjoni inizjali li kien ta lill-Pulizija, huwa qal li kien qed jivvjaġġa lejn l-Istati Uniti sabiex jattendi xi sessjonijiet ta’ terapija għall-istress iżda aktar tard ikkjarifika li kien hemm għar-rijabilitazzjoni mill-abbuż tad-droga.

Yorgen Fenech, li fil-vjaġġ tiegħu kien akkumpanjat minn Keith Schembri, kien trasportat u nżamm arrestat fil-Ħabs tad-Distrett ta’ Harris sakemm tressaq il-Qorti fejn ammetta l-akkużi miġjuba kontrieh.

Għall-ewwel l-allegat kompliċi tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ngħata l-ħelsien temporanju mill-arrest iżda mbagħad ġie rilaxxat fuq ordni tal-Qorti biex intbagħat f’ċentru ta’ rijabilitazzjoni għall-vizzju tad-droga u l-alkoħol.

Fid-29 ta’ Lulju mbagħad, Fenech kien intbagħat jiskonta 30 ġurnata fil-Ħabs tad-Distrett ta’ Harris fl-Istat ta’ Texas.