Lokali Unjoni Ewropea

David Casa nominat għal Ko-President tal-Grupp ta’ Ħidma għall-Media

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa

Il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista David Casa ġie nnominat bħala l-ewwel Ko-President tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Parlament Ewropew għall-Media, li hu grupp magħmul minn numru ta’ MEPs minn gruppi politiċi differenti li jiffoka biex imexxi ‘l quddiem temi marbuta mal-protezzjoni tal-ġurnalisti.

Casa hu l-uniku MEP Malti li jifforma parti minn dan il-grupp. F’reazzjoni għal din il-kariga l-ġdida, hu qal li l-Parlament Ewropew għandu rwol kruċjali biex jassigura li l-ġurnalisti fl-Ewropa mhux biss ikunu protetti, iżda jingħataw ukoll l-għodod meħtieġa biex ikunu jistgħu jinvestigaw u jikxfu l-ħażen. Dan hu r-rwol tal-ġurnalisti f’pajjiż demokratiku, u għandhom ikunu protetti biex jagħmlu proprju dan. Kompla li l-Grupp ta’ Ħidma se jkompli jipproponi liġijiet u jżid il-pressjoni biex jassigura li dak li ġara lil Daphne Caruana Galizia u lil Jan Kuciak ma jerġax iseħħ.

Sa minn meta Daphne Caruana Galizia nqatlet f’Ottubru 2017, David Casa kien fuq quddiem biex jinsisti għal liġijiet ġodda li jipproteġu lill-ġurnalisti f’ħidmiethom, inkluż Liġi kontra l-iSLAPP. Proposta oħra li qed jaħdem fuqha hi dik ta’ Fond tal-Media tal-Aħbarijiet: mekkaniżmu permanenti ta’ appoġġ lill-ġurnalisti u lill-kmamar tal-aħbarijiet, xi ħaġa li issa, minħabba l-isfidi finanzjarja li ġabet magħha l-pandemija tal-Coronavirus, saret aktar kruċjali.

Matul l-aħħar xhur, permezz tar-rwol tiegħu ta’ Kwestur fil-Bureau tal-Parlament Ewropew, l-MEP Nazzjonalista kien qed jaħdem fuq il-Premju għall-Ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia, li se jibda jingħata kull sena. Bħalissa, hu jinsab f’kuntatt mal-Membri l-oħra fit-tmexxija tal-Parlament biex jiffinalizza d-dettalji tal-Premju.