Lokali

“Debutt li qatt ma nista’ ninsa” – Haley Bugeja

“Debutt li qatt ma nista’ ninsa, kburija li jien Maltija.”

Kliem Haley Bugeja, it-tfajla ta’ 16-il sena li fi tmiem il-ġimgħa tat wirja mill-isbaħ waqt partita fis-Serie A femminili mat-tim tal-futbol ta’ Sassuolo, b’eloġji mhux biss minn pajjiżna, iżda skoll fl-Italja, wara li skorjat doppjetta fl-ewwel partita tagħha wara li aktar kmieni dan is-Sajf ingħaqdet mat-tim Taljan.

F’intervista ma’ NET News, Haley, li fl-aħħar xhur kisbet l-unur tal-aqwa plejer fil-Kampjonat tan-Nisa u l-aqwa plejer ta’ taħt id-19-il sena ma’ Mġarr United, spjegat li l-klabb Taljan laqgħaha mill-ewwel jum u bla dubju ma tistax titlob għal aħjar.

(Ritratt: Sassuolo FC)

Hi saħqet li l-kummenti sbieħ li rċeviet fl-aħħar jumejn ma joħolqulhiex pressjoni, iżda jtuha aktar kunfidenza u grinta biex tikseb ir-riżultati li tixtieq.

Haley spjegat dwar l-importanza li persuna tibqa’ saqajha mal-art u taħdem għal dak li tħobb – twemmin, li minkejja l-età żgħira tagħha, konxja li għalkemm tiltaqa’ ma’ diversi ostakli, hi realtà ħajja li ħolma tista’ titwettaq verament.

Haley irringrazzjat lil kull wieħed u waħda mill-Maltin u l-Għawdxin li tul dawn l-aħħar jumejn bagħtulha messaġġi ta’ inkoraġġiment  u saħqet li, minkejja li dan il-pass li qed tissielet għalih hu ta’ sfida, se tibqa’ tistinka biex tikseb aktar riżultati pożittivi.

(Ritratt: Sports Pro Management and Consultancy)