Sport

Marsa jirbħu x-Shield ta’ Jum il-Vitorja għall-14-il darba fl-istorja

(Ritratt: Marsa Regatta)
Din hi l-ewwel Shield ta' Jum il-Vitorja għal Marsa mill-2016 wara tliet snin dominanza ta' Bormla

Tiġrija tan-nisa – Frejgatina

Il-Birgu żammew ix-shield tan-nisa meta rebħu t-tellieqa tan-nisa bil-frejgatini. Il-koppja Gylnnis Mizzi u Rachelle Gialanze reġgħu spiċċaw fuq quddiem wara li kienu rebħu r-Regatta tas-sena li għaddiet kif ukoll fil-Pageant of the Seas ix-xahar li għadda. Huma rebħu f’ħin ta’ tmien minuti u 20 sekonda b’vantaġġ ta’ madwar ħames qadfiet fuq il-frejgatina ta’ Susan Zammit u Rebecca Fitz għal Birżebbuġa. Il-frejgatina ta’ Kalkara li kienet skedata li tieħu sehem, irtirat qabel il-bidu wara li weġġgħet waħda mill-qaddiefa u ma laħqitx irkuprat fil-ħin.

Klassifika finali: 1. Birgu, 2. Birżebbuġa, 3. Bormla, 4. Isla, 5. Marsa

Tiġrija Numru 1 – Kategorija B – Tal-Pass b’żewġt imqadef

Birżebbuġa fetħu tajjeb Kategorija B bir-rebħ tat-tellieqa tal-Pass b’żewġt imqadef. Rebħa meritata għal Glenn Zammit u Clifford Bugeja b’qadfa konsistenti li biha bnew vantaġġ komdu u temmew it-tellieqa f’ħames minuti u 59 sekonda. Il-Kalkara daħlu fit-tieni post wara li l-koppja Gilmour Buttigieg u Kevin Camilleri ħadu vantaġġ minn indeċiżjoni tad-dgħajjes ta’ Bormla u l-Isla u qasmu l-linja finali qabilhom.

Riżultat: 1. Birżebbuġa 20 punt, 2. Kalkara 12-il punt, 3. Bormla 6 punti

Tiġrija Numru 2 – Kategorija Open – Tal-Midalji

L-ewwel tellieqa ta’ Kategorija A offriet l-ewwel sorpriża u tmiem mill-isbaħ. Il-Marsa ħarġu rebbieħa permezz tal-qaddiefa Clifton Camilleri, Jan Tanti, Sven Refalo u Charlton Abela b’vantaġġ minimu fuq id-dgħajsa tal-Isla fi dwell eċċitanti fl-aħħar metri. Sfortuna għad-dgħajsa ta’ Bormla meta ġralhom inċident li fih il-qaddief Clayton Darmanin żelaq b’konsegwenza li tilfu r-ritmu u kien diffiċli għalihom biex jirkupraw għalkemm temmew fit-tielet post.

Riżultat: 1. Marsa 20 punt, 2. Isla 12-il punt, 3. Bormla 6 punti

Tiġrija Numru 3 – Kategorija B – Kajjikki

Għat-tieni sena konsekuttiva d-distrett tal-Isla rnexxielu jirbaħ it-tieni tellieqa ta’ Kategorija B. Din id-darba kienu Kensley Ciantar u Spiridione D’Amato li rebħu b’vantaġġ minimu fuq il-koppja Steve Dalli u Russell Bugeja ta’ Birżebbuġa. Il-Marsa ta’ Mel u Emanuel Magro daħlu fit-tielet post. F’din it-tellieqa spikka l-inċident bejn id-dgħajjes ta’ Bormla u Marsamxett. Il-Bormliżi għaddew minn wara l-kajjik tal-Isla biex jaqilbu l-linja u spiċċaw biex daħlu fid-dgħajsa ta’ Marsamxett. Konsegwenza ta’ dan l-inċident, Bormla ġew skwalifikati minn din it-tellieqa.

Riżultat: 1. Isla 12-il punt, 2. Birżebbuġa 8 punti, Marsa 4 punti

Tiġrija Numru 4 – Kategorija Open – Frejgatina

Din it-tellieqa kellha bidu falz fil-bidu u għalhekk damet ftit ma bdiet. Kienu l-Marsa li kif għamlu l-kollegi tagħhom fit-tellieqa Tal-Midalji, rebħu t-tellieqa tal-Frejgatini permezz tal-koppja William Mifsud u Christian Camilleri. F’tellieqa sabiħa l-Marsa għelbet l-isfida ta’ Kieran Zammit u George Frendo ta’ Bormla, il-koppja li rebħet din it-tellieqa s-sena l-oħra. Il-Birgu daħlet it-tielet qabel Birżebbuġa b’photo-finish.

Riżultat: 1. Marsa 12-il punt, Bormla 8 punti, Birgu 4 punti

Tiġrija Numru 5 – Kategorija B – Tal-Midalji

Birżebbuġa rebħu t-tellieqa Tal-Midalji f’ħames minuti u 17-il sekonda permezz ta’ Nathan Bonello, Glenn Zammit, Russell Bugeja u Andre Karl Gauci. Huma daħlu b’vantaġġ tajjeb fuq Bormla ta’ Owen Zammit, Antoine Brignone, Cleaven Falzon u Yannick Pace. L-Isla daħlu fit-tielet post wara li għelbu b’photo-finish lil Kalkara.

Riżultat: 1. Birżebbuġa 20 punt, 2. Bormla 12-il punt, 3. Isla 6 punti

Tiġrija Numru 6 – Kategorija A – Tal-Pass b’żewġt imqadef

Clive Casha u Dennis Thornton baqgħu jiddominaw it-tellieqa Tal-Pass b’żewġt imqadef u għal sena oħra taw 20 punt lil Bormla li b’hekk baqgħu fit-taqtigħa li jirbħu x-Shield. B’vantaġġ tajjeb qatgħu lil Clyde Cutajar u Matthew Micallef tad-distrett Marsi, bl-Isla terġa’ tidħol it-tielet din id-darba bil-qaddiefa Juan Farrugia u Wayne Xuereb.

Riżultat: 1. Bormla 20 punt, 2. Marsa 12-il punt, 3. Isla 6 punti

Tiġrija Numru 7 – Kategorija B – Frejgatina

Birżebbuġa għamlu ċert mir-rebħ ta’ Kategorija B wara li Matthew u Steven Dalli rrepetew dak li għamlu s-sena l-oħra u rebħu t-tellieqa tal-Frejgatina. Bormla permezz ta’ Dusty Cassar u Elton Azzopardi temmew it-tieni filwaqt li Marsamxett irkupraw permezz tal-veteran Gino Viacava u Deacon Abela Wilson biex kisbu l-palju tat-tielet post.

Riżultat: 1. Birżebbuġa 12-il punt, 2. Bormla 8 punti, 3. Marsamxett 4 punti

Tiġrija Numru 8 – Kategorija A – Kajjikki

Marsa rebħu wkoll it-tellieqa tal-Kajjikki bil-koppja magħmula minn Christian Camilleri u Nigel Sant tirbaħ b’vantaġġ komdu. Ian Attard u Kurt Vassallo taw tmien punti lil Birgu wara li rebħu d-dwell mal-Isla. Sfortuna oħra għal Bormla li din id-darba waqfu mit-tellieqa meta kienu f’pożizzjoni tajba li jirbħu hekk kif jidher li Maximilian Mamo weġġa’.

Riżultat: 1. Marsa 12-il punt, 2. Birgu 8 punti, 3. Isla 4 punti

Tiġrija Numru 9 – Kategorija B – Tal-Pass b’erbat imqadef

Għalkemm kienu diġà assiguraw ir-rebħ ta’ Kategorija B, Birżebbuġa rebħu wkoll l-aħħar tellieqa b’mod drammatiku. Fl-aħħar metri rkupraw u b’distakk ta’ anqas minn nofs tul għelbu lil Bormla, b’Kalkara jidħlu fit-tielet post. L-ekwipaġġ rebbieħ kien magħmul minn Nathan Bonello, Glenn Zammit, Clifford Bugeja u Russell Bugeja.

Riżultat: 1. Birżebbuġa 24 punt, 2. Bormla 16-il punt, 3. Kalkara 8 punti

Tiġrija Numru 10 – Kategorija A – Tal-Pass b’erbat imqadef

Bormla rrepetew dak li għamlu s-sena l-oħra u reġgħu rebħu din it-tellieqa. L-ekwipaġġ baqa’ l-istess bħas-sena l-oħra b’eċċezzjoni ta’ Maximilian Mamo li daħal flok George Frendo li ma kienx f’sikktu. B’hekk hu ngħaqad ma’ Dennis Thornton, Clive Casha u Jurgen Camilleri. Birżebbuġa daħlu warajhom fit-tieni post, bil-qaddiefa tal-Marsa jaċċertaw mit-tielet post li fisser ir-rebħ tax-Shield. Inutli l-isforzi fl-aħħar tal-Isla li ġew b’saħħithom fl-aħħar parti tat-tellieqa.

Riżultat: 1. Bormla 24 punt, 2. Birżebbuġa 16-il punt, Marsa 8 punti

Klassifika Finali – Kategorija A

Marsa 64 punt, Bormla 58 punt, Isla 22 punt, Birżebbuġa 16-il punt, Birgu 12-il punt

Klassifika Finali – Kategorija B

Birżebbuġa 84 punt, Bormla 42 punt, Kalkara 20 punt, Isla 18-il punt, Marsa 4 punti, Marsamxett 4 punti

Ikkummenta