Internazzjonali

Iċ-Ċina takkuża ġurnalista Awstraljana bħala ‘periklu għas-sigurtà’

Kelliema għall-Gvern komunista Ċiniż qegħdin jgħidu li ġurnalista Awstraljana li ilha tinżamm għal ġimgħat fiċ-Ċina tinsab fis-sitwazzjoni preżenti ‘fuq bażi ta’ sigurtà nazzjonali’.

Qed jingħad li Cheng Lei – preżentatriċi għal China Global Television Network (CGTN) li ilha miżmuma mill-14 ta’ Awwissu – hi suspettata dwar ‘attività kriminali li perikolat is-sigurtà taċ-Ċina’.

L-aħbar minn Beijing ingħatat wara li l-aħħar żewġ ġurnalisti Awstraljani li kienu qed jaħdmu fiċ-Ċina marru lura pajjiżhom, b’konsegwenza ta’ ‘konfront diplomatiku’ bejn dan il-pajjiż u l-Awstralja. Il-ġurnalisti, Bill Birtles u Mike Smith, waslu f’Sydney sigħat ilu u wara li kellhom iwieġbu għall-mistoqsijiet li sarulhom mill-awtoritajiet Ċiniżi.

Ir-relazzjonijiet taċ-Ċina mal-Awstralja qalbu għall-agħar fl-aħħar snin. Filwaqt li, fil-passat, ma naqsux l-allegazzjonijiet dwar l-indħil taċ-Ċiniżi fis-soċjetà Awstraljana, is-sitwazzjoni bejn il-pajjiżi ħżienet wara li l-Awstralja appoġġjat l-impenn għal inkjesta internazzjonali rigward l-oriġini tal-coronavirus.

Il-Klabb għall-Korrispondenti taċ-Ċina sadanittant, żvela li 17-il ġurnalista barrani ( rekord) sfaw imkeċċija minn dan il-pajjiż fl-ewwel sitt xhur tas-sena.