Ir-residenti ta’ Triq Antonio Sciortino u toroq fil-qrib fl-Imsida għadhom ma jistgħux jemmnu li mhux se jaraw aktar lil Inez Galea – l-anzjana ta’ 94 sena, li t-Tnejn waranofsinhar inqatlet minn żewġt iklieb kbar f’darha stess.
Deskritta mill-ġirien li tkellmu ma’ NET News bħala anzjana simpatika u li ma kienet tagħti fastidju lil ħadd, huma spjegawlna illi kienet l-għaxqa ta’ Inez li fil-ħin liberu tagħha tintefa’ fuq l-għatba tar-residenza, akkumpanjata mill-kelb żgħir tagħha, u tgħid kelmtejn mal-ġirien jew dawk li jkunu mexjin minn ħdejha.
Ir-residenza ta’ Inez xi darba kienet garaxx, bl-anzjana u żewġha kienu jgħixu fid-dar bieb ma’ bieb. Iżda meta r-raġel tagħha miet, kienet iddeċidiet li tirranġa l-garaxx u tagħmlu abitabbli, tant li hi niżlet tgħix hemm, filwaqt li fid-dar baqgħu jgħixu membri oħrajn tal-familja.
Jirriżulta li Andre Galea, in-neputi ta’ Inez, beda joqgħod f’din id-dar madwar sena u nofs ilu – wara li għal xi żmien kien joqgħod missieru stess. Hemm, hu kien jgħix waħdu, ħlief għal għadd ta’ klieb kbar, mhux biss it-tnejn li aggredew lil nanntu. Dwar dawn, il-ġirien qalulna li kienu saru diversi rapporti lill-Pulizija u lill-Animal Welfare.
Waħda mir-residenti spjegatilna wkoll kif saħansitra kellha tonfoq viċin l-1,000 ewro biex tagħmel tajjeb għall-ħmieġ li kkawżawlha l-klieb.
Bl-attitudni tagħhom, kompliet tispjega waħda mill-ġirien, kien ċar għal kulħadd li l-klieb kienu jitħallew bil-ġuħ, aktarx biex umbagħad jintużaw għall-ġlied illegali. Fil-fatt, sorsi li tkellmu ma’ NET News spjegaw li l-Pulizija mhux jeskludu li l-anzjana kienet aggredita miż-żewġ pitbulls għaliex inzammew f’dan l-istat.
Iżda minn ricerka li ghamel dan l-istazzjon…jidher illi meta l-Uffiċjali tal-Annimal Welfare kienu għamlu spezzjonijiet fil-post, qatt ma sabu moħqrija fuq il-klieb.
L-informazzjoni li għandna tgħid li t-Tnejn waranofsinhar, il-klieb kienu waħedhom fid-dar prinċipali. B’xi mod, huma rnexxielhom jaqbżu grada li tifred minn mar-residenza tal-anzjana …..qabel ma aggredew lill-kelb ta’ Inez. Kif rat hekk, hi marret tipprova ssalva lill-kelb żgħir tagħha minn ħalq il-pitbulls, iżda sfortunatament anke hi spiċċat ġiet aggredita u eventwalment intilfet minn sensiha.
Malli waslu il-Pulizija sabu x-xena xokkanti tal-anzjana u l-kelb tagħha bla ħajja u f’għadira demm, bil-klieb ħdejn il-katavru tal-mara.
NET News jinsab infurmat li, meta it-Tnejn waranofsinhar arrestaw liż-żagħżugħ, mhux eskluż li fid-dar sabu wkoll materjal relatat mat-teħid u t-traffikar tad-droga. Mal-arrest, hu ttieħed fl-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida qabel ma għadda l-lejl jiġi interrogat fil-Kwartieri Ġenerali fil-Furjana.
Iż-żagħżugħ mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin. Inkjesta dwar il-każ qed titmexxa mill-Maġistrat Charmaine Galea.
//= $special ?>